L-eks Ministru u eks Deputat tal-Partit Nazzjonalista Michael Refalo miet dalgħodu fid-Dar tal-Anzjani Prince of Wales, f’Tas-Sliema, fejn kien rikoverat. Hu miet fl-età ta’ 78 sena. Twieled fil-25 ta’ Frar 1936 u kien Avukat. Għamel snin twal attiv fil-Partit Nazzjonalista u kien protagonist fil-kampanja għall-Indipendenza fis-sittinijiet.
Kien elett l-ewwel darba fil-Parlament f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tal-1971 u baqa’ jiġi elett sal-elezzjoni ġenerali tal-1998. Serva għal total ta’ 33 sena bħala Membru Parlamentari u kkontesta b’kollox disa’ elezzjonijiet ġenerali.
Wara li ħareġ fl-elezzjonijiet tal-1962 u tal-1966, u ma kienx elett, Michael Refalo tela’ f’kull elezzjoni li kkontesta wara (fl-1971, fl-1976, fl-1981, fl-1987, fl-1992, fl-1996, u fl-1998). Hu kien wieħed mill-politiċi fuq quddiem fil-ġlieda politika tal-Partit Nazzjonalista għat-tisħiħ tal-libertà u d-demokrazija fis-snin tmenin.
Bejn l-1972 u l-1980 kien l-ewwel Editur tal-gazzetta Il-Mument, f’perjodu meta l-Partit Nazzjonalista kien għadu qed jistabilixxi din il-gazzetta bħala waħda mill-gazzetti ewlenin tal-Ħadd. Michael Refalo jibqa’ magħruf għall-kitbiet tiegħu u għall-istil li kellu fil-kitba. Wara li spiċċa minn Editur, Refalo baqa’ jikkontribwixxi regolarment fil-gazzetti.
Wara l-elezzjoni ġenerali tal-1987, mirbuħa mill-Partit Nazzjonalista, Michael Refalo serva bħala Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu u kompla f’din il-kariga anke fil-leġiżlatura li bdiet fl-1992. Fil-ħidma tiegħu f’din l-industrija, kien fundamentali biex wettaq riforma u ta viżjoni ġdida u differenti lis-settur turistiku, tant li f’dan il-perjodu Malta saħħet is-swieq ewlenin tagħha u rnexxielha tiftaħ orizzonti ġodda għal turiżmu minn pajjiżi li sa dak iż-żmien ma kienux assoċjati ma’ Malta.
Fl-1995 laħaq Ministru tal-Ġustizzja u l-Kultura, filwaqt li tliet snin wara Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura. Wara l-kontribut fil-politika lokali, fl-2005 Michael Refalo nħatar bħala l-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit u baqa’ f’din il-kariga sa Ottubru 2008. Wara, kien appuntat Chairman tal-Kumitat Eżekuttiv tas-Segretarjat tal-Commonwealth.
Wara karriera twila fil-politika, fl-2007 hu kien onorat bl-ogħla ġieħ tal-Istat meta nħatar Kumpann tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu. Hu wkoll l-awtur ta’ “My Century”, li hi traduzzjoni għall-Ingliż ta’ “Rajt Malta Tinbidel” ta’ Herbert Ganado, kif ukoll tal-pubblikazzjoni “Mumenti ta’ żmienna”.
Michael kien miżżeweġ lil Blanche Smith u għandhom erbat itfal: Edward, Angela, Tina u Nichola. Hu se jingħata l-Aħħar Tislima l-Ħamis fid-9.30am fil-Parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema.
Stqarrijiet li jsellmu l-memorja ta’ Michael Refalo
Minn tal-ewwel li sellem lill-eks Ministru Refalo kien il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li fi stqarrija rringrazzjah għall-ħidma tiegħu b’risq il-PN u l-pajjiż. Fakkar kif fl-ewwel snin tiegħu fil-politika, Michael Refalo ħadem kemm felaħ biex pajjiżna akkwista l-Indipendenza.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar kif Refalo kien wieħed mill-aktar politiċi li damu jservu fil-Parlament Malti, b’total ta’ 33 sena, tant li kkontesta b’suċċess għaxar elezzjonijiet ġenerali. F’ismu u f’isem il-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil wassal il-kondoljani lill-Familja Refalo.
Il-Gvern, fi stqarrija sellem lil Michael Refalo bħala personaġġ politiku li ta kontribut ekonomiku biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem. Filwaqt li wassal il-kondoljanzi lill-Familja Refalo, il-Gvern qal ukoll li qed iwassal l-apprezzament f’isem il-pajjiż kollu.
Filwaqt li esprima s-sogħba tiegħu u wassal il-kondoljanzi lill-Familja Refalo, il-Partit Laburista fi stqarrija fakkar fil-ħidma li Michael Refalo għamel biex pajjiżna jkun jista’ jkompli javvanza. Għamel referenza b’mod partikolari għall-ħidma li wettaq fis-settur tat-turiżmu.
L-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti Maltin (MHRA) sellmet lill-eks Ministru Michael Refalo għall-kontribut siewi u fit-tul li ta għas-settur turistiku. Fakkret li kien fi żmien Michael Refalo li twaqqaf l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u l-Aworità Maltija tat-Turiżmu (MTA). F’isem l-Aġent President, l-MHRA qalet li Refalo kien wieħed mill-pilastri ewlenin fis-settur turistiku ta’ pajjiżna biex illum dan is-settur sar daqstant ta’ suċċess fl-ekonomija Maltija.
Iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għat-Turiżmu (MTA), flimkien mal-Bord, sellmet lil Michael Refalo għall-kontribut kbir li ta b’mod partikolari fil-qasam tat-turiżmu u l-kultura. Filwaqt li esprimew is-sogħba għat-telfa tal-eks Ministru, wasslu l-kondoljanzi lill-Familja Refalo.
Is-Soċjetà Filarmonika Sliema u s-Soċjetà Filarmonika Stella Maris sellmu l-memorja ta’ Michael Refalo, li għal xi snin kien ukoll jokkupa l-kariga ta’ President Onorarju tas-Soċjetajiet. Fi stqarrijiet separati, f’isem il-President, il-Kumitat u l-Membri, iż-żewġ Soċjetajiet wasslu l-kondoljanzi lill-Familja Refalo.
//= $special ?>