Lokali

Aġġornata: Jirċievu appuntamenti kunfidenzjali ta’ persuni li ma jafux! – l-ebda pazjent m’hu se jitlef l-appuntament

Aġġornata 

Dan is-sit ikkonferma li l-persuni li ma rċevewx l-appuntamenti minħabba żball ġenwin li sar, mhux se jkunu qed jitilfu l-ebda appuntament u se jkunu qed jinqdew mill-aktar fiss.

Dan wara li aktar kmieni persuna rċeviet tlett appuntamenti ta’ tliet persuni li ma tafx. F’kuntatt ma’ uffiċjal mediku fl-Isptar Mater Dei, dan is-sit ikkonferma li malli saru jafu bil-każ, bdiet ħidma immedjata biex l-ebda pazjent ma jkun affettwat b’mod negattiv minn dan l-iżball.

L-uffiċjal mediku appellat ukoll biex f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-persuni konċernati jinfurmaw minnufih l-Isptar sabiex ma jkunx hemm detriment għas-saħħa tal-pazjenti kkonċernati.

Aktar kmieni…

Persuna li tkellmet ma’ MaltaRightNow appellat għal aktar attenzjoni wara li rċeviet appuntament għall-isptar… iżda kienet sorpriża meta sabet li fl-istess envelop tagħha kien hemm tlett appuntament oħra ta’ tlett persuni oħra!

B’kollox din il-mara rċeviet erba’ appuntamenti – wieħed minnhom tagħha, iżda t-tlieta l-oħra ta’ persuni li ma tafx min huma.

Naturalment, l-appuntamenti tal-persuni l-oħra kien fihom informazzjoni sensittiva – l-isem u l-kunjom tal-persuna, l-indirizz tar-residenza tagħhom, dettalji dwar il-klinika tal-appuntament u n-numru tal-karta tal-identita’ tagħhom.

Wieħed mill-appuntament li din il-mara rċeviet bi żball kien ta’ anzjana li tgħix f’Dar tal-Anzjani.

Il-persuna, li tkellmet ma’ MaltaRightNow.com qalet li żball dejjem jista’ jsir, madanakollu appellat għall-attenzjoni għaliex il-fatt li rċeviet l-appuntamenti ta’ ħaddieħor ifisser li dawn il-persuni baqgħu jistennew l-appuntamenti tagħhom għalxejn, bil-possibilta’ wkoll ta’ frustrazzjoni li tista’ tiġi evitata.

Dan apparti n-nuqqas ta’ privatezza għall-persuni kkonċernati.