Lokali Parlament

Appell lill-Gvern jirrimedja għall-inġustizzji fl-armata u l-pulizija

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit, Beppe Fenech Adami, appella lill-Ministru Carmelo Abela jirrimedja għall-inġustizzji li saru fit-tmexxija tal-armata u fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar sentejn meta nkissru proċeduri u regolamenti biex ingħataw promozzjonijiet li fl-Armata wasslu għal sensiela ta’ promozzjonijiet lill-istess persuna sakemm laħqet Kmandant tal-Armata.

Dan l-appell lill-Ministru Carmelo Abela li issa ilu diversi ġimgħat fir-responsabbiltà tal-Pulizija u l-armata, sar mill-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni meta fil-Parlament kien qed jiġi diskuss dokument ippubblikat mill-Gvern dwar miżuri ta’ simplifikazzjonijiet li ttieħdu matul is-sena li għaddiet biex titnaqqas il-burokarzija.

Il-poplu jippretendi li meta l-Gvern jitkellem kontra l-burokrazija, ma jkunx qed ifisser li jitneħħew il-proċeduri.

Beppe Fenech Adami fisser li meta jitneħħew il-proċeduri jiġu abbandunati regoli u proċeduri kif rajna jseħħ fl-armata fejn il-Gvern stess kiser il-proċeduri kollha biex ingħataw promozzjonijiet bla ebda regoli u proċeduri, kif sar bil-ħatra ta’ Kmandant tal-Forzi Armati li wara li ngħatat promozzjoni ġimgħa wara oħra, sar Kmandant.

Beppe Fenech Adami qal li hekk seħħ ukoll bil-ħatriet ta’ Kummissarju tal-Pulizija fejn kienet abbandunata wkoll kull proċedura fejn ukoll fil-Korp tal-Pulizija rajna tul dawn is-sentejn, transfers u ħatriet politiċi.

Appella lill-Ministru Carmelo Abela isewwi din il-ħsara irreperabbli fil-Pulizija u fl-armata. Sentejn li tant inkissru regoli u tgħawġu proċeduri, tant li llum għandna pulizija u armata dgħajfa.

Beppe Fenech Adami elenka diversi miżuri li l-Gvern ippubblika fid-dokument li juru l-medjokrità tal-Gvern, u wkoll miżuri oħrajn li bihom il-Gvern mhux issimplifika iżda permezz tagħhon introduċa taxxa ġdida jew żieda fil-ħlasijiet.

Semma bħala eżempju l-introduzzjoni taċ-ċittadini tal-ewwel klassi u tat-tieni klassi, b’dawn tal-aħħar jintalbu jħallsu aktar għall-passaport tagħhom għaliex jeskadi f’xhur partikolari tas-sena bejn April u Awwissu. Il-ħlas ilaħħaq il-€100 – €30 aktar biex iġeddu l-passaport.

Fisser din il-miżura tal-mistħija, bħala falliment tal-Gvern mal-wegħda li jnaqqas il-burokrazija fl-amministrazzjoni pubblika, għaliex bl-ebda mod ma’ Gvern għandu jintroduċi taxxi ġodda bl-iskuża li l-affarijiet qed isiru aktar effiċjenti.

Irrifera wkoll għal riforma li wettaq il-Ministeru tal-Ambjent meta ddeċieda li tiġi nstallata answering machine fin-nursery ta’ San Vincenz de Paul, bħala miżura tad-daħk kontra l-burokrazija.

Ikkritika wkoll ir-riforma bħala miżura oħra ta’ simplifikazzjoni, li għamel il-Ministeru ta’ Konrad Mizzi fejn tħabbar li wara diskussjonijiet u laqgħat, żdiedu n-numru tal-formoli għall-klassijiet tal-aerobics, għall-immaniġġjar tal-piż u għal waqfin mit-tipjip.

Beppe Fenech Adami fisser li l-poplu Malti jrid is-sustanza fil-politika, sintomu li hu nieqes fit-tmexxija ta’ dan il-Gvern.