Internazzjonali Lokali

Fil-Midja Taljana qed ikun rapurtat li l-ISIS irid jattakka l-Ewropa: l-ewwel l-Italja, Spanja u Malta

Malta tissemma’ fost tlieta mill-ewwel miri tal-militanti tal-Istat Iżlamiku li skont ġurnali internazzjonali, qed jippjanaw li jattakkaw l-Ewropa billi jisparaw missili mit-Tuneżija, mill-Marokk u mil-Libja.

Ġurnali onlajn Taljani qed jikkwotaw edizzjoni ta’ din is-sena ta’ The Islamic State, li hi pubblikazzjoni ta’ 100 paġna ta’ propaganda, miktuba b’Ingliż fqir u ċċirkolata permezz tad-dipartiment tal-istampa tal-Istat Iżlamiku.

Skont il-ġurnali Taljani, The Islamic State tgħid li “hekk kif il-Persjani jiġu megħluba, il-militanti Iżlamiċi tat-Tuneżija u l-Libja se jaħtfu l-armi tad-dittaturi, inkluż il-missili, u Ansar al Sharia fil-Libja u l-Al Qaeda fit-Tuneżija se jibdew jisparaw il-missili tagħhom fil-qalba tal-Ewropa bħala vendetta għal dak li ħuthom qed jagħmlu fis-Sirja. Jekk jintużaw missili bħall-M75, li jaslu sa 170 kilometru, mit-Tuneżija tista’ tintlaħaq l-Italja li hi 160 kilometru bogħod”.

L-istess ġurnali Taljani madankollu qed jikkwotaw esperti fl-armi li qed jgħidu li l-M75 ma jwasslux daqshekk ’il bogħod għax kapaċi jaslu sa massimu ta’ 80 kilometru u anke jekk jiġu sparati mit-tarf tat-Tuneżija ma jaslux sa Sqallija, waqt li t-test ikkwotat mill-ġurnali Taljani fl-ebda ħin ma jsemmi lil Malta, madanakollu ir-ritratt t’hawn taħt jidher fil-pubblikazzjoni kwotata minn dan il-ġurnal.

A

Skont il-ġurnali Taljani, The Islamic State qiegħed madankollu jsemmi wkoll missili li għandha f’idejha l-Libja u missili iktar avvanzati li l-Istat Iżlamiku jaħseb li għandhom pajjiżi bħall-Iraq u s-Sirja u li qed jispera li jiġu taħt idejh, fosthom dawk ta’ 600 kilogramm ta’ splussiv li jwasslu sa 210 kilometru. Skont l-Istat Iżlamiku, ir-reġimi kollha tal-Afrika ta’ Fuq se jinqerdu sa ħames snin oħra u meta tispiċċa l-fruntiera bejn il-Libja u t-Tuneżija, l-armamenti ta’ dawn il-pajjiżi jsiru kollha tagħhom.

It-tir tal-militanti hu li l-Afrika ta’ Fuq tiġi kollha f’idejhom u mbagħad jieħdu f’idejhom l-Ewropa mit-Turkija mil-Lvant, mill-Italja permezz tal-Libja u t-Tuneżija, u minn Spanja permezz tal-Marokk. Skont il-ġurnali Taljani, il-militanti Iżlamiċi jidħlu l-Italja biex jagħtu s-sostenn tagħhom lill-“Musulmani taħt oppressjoni” u din tkun ir-rebħa tagħhom fuq Ruma.

Intant, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela ċaħad dawn ir-rapporti u eskluda li hemm xi ħjiel li Malta tinsab fil-mira ta’ xi attakk terroristiku.

Capture