Lokali Parlament

Filmat: L-Oppożizzjoni tappella għal dibattitu mill-aktar fis dwar il-Mozzjoni li ressqet fuq il-prezzijiet tal-fuels

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella għal dibattitu mill-aktar fis fil-Parlament dwar il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni fuq il-prezzijiet tad-diesel u l-petrol. Dan hekk kif illejla, l-iSpeaker mistenni jagħti Ruling dwar jekk hux possibbli li d-dibattitu dwar il-Mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni ġimgħa ilu isir il-Ħamis li ġej.

Il-Gvern ma qabilx mat-talba tal-Oppożizzjoni biex il-Mozzjoni tiġi diskussa l-Ħamis li ġej, il-ġurnata li fiha hi ddedikata għall-Mozzjonijiet. Fil-każ tal-Ħamis li ġej, imiss li tkun diskussa Mozzjoni tal-Oppożizzjoni minħabba li l-aħħar Ħamis li ltaqa’ l-Parlament kienet diskussa Mozzjoni tal-Gvern.

F’kumment lill-ġurnalisti, Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni se tistenna r-Ruling tal-iSpeaker, għalkemm sostna li l-Oppożizzjoni qed tappella li d-dibattitu jsir mill-aktar fis għax il-prezzijiet tad-diesel u l-petrol qed jaffetwaw il-ħajja tan-nies.