Lokali

Għall-ewwel darba, l-anzjani tal-Mellieħa sabu d-Day Centre magħluq

Għall-ewwel darba mill-inawgurazzjoni tiegħu erba’ snin ilu, l-anzjani tal-Mellieħa sabu d-Day Centre magħluq. Madwar 40 anzjan u anzjana jagħmlu użu minn dan is-servizz, li tnieda fl-2011. Madankollu, fl-aħħar sentejn, is-servizzi offruti lill-anzjani fil-komunità tal-Mellieħa kienu qed imorru lura.

Fil-fatt, f’diversi xhur f’dawn l-aħħar sentejn, twaqqaf is-servizz tal-Coaching għall-Anzjani, fejn kienu jagħmlu eżerċizzju fiżiku. Kien biss wara pressjoni mir-residenti u numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li s-servizz reġa’ beda wara ħafna skossi. Fl-aħħar jiem, kien ikkonfermat ukoll fil-Parlament li għall-aħħar sena u nofs, mhux biss ma sar l-ebda kors tal-Kompjuter, iżda l-kompjuters lanqas biss inxtegħlu.

Għal xi raġuni, l-anzjani ma kienux qed jitħallew jużaw bieb intern li mid-Day Centre jagħti għad-Dar tal-Anzjani Madonna tal-Mellieħa, bil-konsegwenza li kien ikollhom joħorġu barra, esposti għall-elementi. L-Anzjani lmentaw ukoll minħabba nuqqas ta’ staff, b’postijiet battala ma jimtlewx u l-persuna inkarigata mid-Day Centre tal-Mellieħa tieħu ħsieb ukoll id-Day Centre ta’ Ħal Qormi.

Minkejja li ilu kważi sentejn fil-Gvern, it-tweħibiet uffiċjali għall-Mistoqsijiet Parlamentari dwar dawn in-nuqqasijiet kienu li jwaħħlu fl-amministrazzjoni ta’ qabel.