Lokali

FILMAT: Persuni jgergru għad-dewmien tat-trasport pubbliku

Ikomplu l-problemi fis-‘soft-launch’ tal-Autobuses de Leon

MaltaRightNow.com irċieva aktar ilmenti minn persuni li jużaw it-trasport pubbliku, bl-aħħar ilmenti jaslu mill-inħawi ta’ Ħaż-Żabbar u l-Mosta.

Numru ta’ persuni li tkellmu ma’ dan is-sit ikkonfermaw li t-Tlieta filgħodu kellhom iqattgħu ħin twil jistennew sakemm waslet karozza tal-linja.

Jidher li fost ir-rotot neqsin mis-servizz li qed tipprovdi Autobuses de Leon, l-operatur magħżul mill-Gvern b’sussidju ta’ €28 miljun fis-sena, hemm filfatt dawk ta’ Ħaż-Żabbar u l-Mosta.

Skont l-informazzjoni li waslet għand dan l-istazzjon jirriżulta li dawn il-karozzi tal-linja użati għal dawn ir-rotot l-anqas għandhom arja kkundizzjonata.

Ilbieraħ fil-Parlament l-Oppożizzjoni talbet lill-Gvern għal darb’oħra biex jippubblika l-kuntratt bejn il-Gvern u l-Autobuses de Leon. Il-Ministru Joe Mizzi kien qal li dan se jkun ippubblikat malli jiftaħ il-Parlament fil-bidu ta’ din is-sena, madanakollu, dan il-kuntratt għadu ma ġiex ippubblikat.

Ilbieraħ, Malta Public Transport fi stqarrija qalet li bħalissa qed jintużaw l-istess ammont ta’ vetturi għat-trasport pubbliku bħal qabel ma ntemm is-servizz tal-Unscheduled Bus Services, madanakollu l-ilmenti li qed nirċievu kontinwament jindikaw li filfatt is-servizz mar lura fl-ewwel jiem tal-famuża ‘soft-launch’ tal-kumpanija Autobuses de Leon.

nies jistennewkarozzi tal-linja