Ambjent Lokali

Il-Bord tal-MEPA jipposponi d-deċiżjoni dwar il-propjetà tal-Ministru Helena Dalli

Il-Bord tal-MEPA ppospona deċiżjoni dwar applikazzjoni li tikkonċerna l-propjetà tal-Ministru Helena Dalli, li fl-aħħar xhur kienet f’kontroversja dwar xogħolijiet irregolari li kienu qed isiru fiha. Id-deċiżjoni ġiet posposta minħabba li r-raġel tal-Ministru, Patrick Dalli, kien indispost.

Il-MEPA kellha tiddeċiedi dwar ix-xogħolijiet irregolari li saru f’din il-villa, fejn il-Case Officer kien qed jirrakkomonda li tiġi rrifjutata l-applikazzjoni. Il-Case Officer argumenta li x-xogħolijiet imorru kontra r-regoli minħabba li joħorgu lil hinn minn kemm jispeċifikaw ir-regoli nfushom.

Il-villa ta’ Helena Dalli tinsab f’żona ‘l barra miż-żona ta’ żvilupp u fl-aħħar xhur kienet f’ċentru ta’ kontroversja wara li kien rappurtat li kienu qed isiru xogħolijiet minghajr il-peremessi meħtieġa. Min-naħa tagħha, il-Ministru Dalli kienet qalet li ma kinitx taf li kienu qed isiru xi xogħolijiet fil-villa tagħha.

Fi stqarrija lejlet li kellha tittieħed id-deċiżjoni, il-Partit Nazzjonalista appella lil MEPA biex taġixxi b’responsabbiltà u b’mod indipendenti għax m’għandiex taqa’ għall-pressjoni tal-Gvern.