Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jappella lill-MEPA biex twaqqaf abbuż ambjentali minn razzett tal-baqar

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qed jappella lill-Awtorità Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex tieħu azzjoni kontra abbuż ambjentali minn razzett tal-baqar li qed iħalli joħroġ likwidu u materjal maħmuġ minn demmiela għat-trejqa pubblika li twassal għalih.

Ir-razzett jinsab fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Qanpiena, fil-limiti tas-Siġġiewi. Il-likwidu maħmuġ qed joħroġ fit-trejqa li tagħti aċċess għar-razzett u li tinsab faċċata tad-Dar tal-Providenza.

Fi stqarrija, il-kunsill appella lill-MEPA biex tieħu azzjoni minħabba li l-likwidu u materjal maħmuġ qiegħed jinġabar fit-trejqa u saħansitra qed jispiċċa f’xi għelieqi li jmissu magħha. Il-kunsill tas-Siġġiewi ppubblika numru ta’ ritratti li ttieħdu lbieraħ waranofsinhar u li, skont il-kunsill, juru l-abbuż u l-ħsara ambjentali li qed issir f’din iż-żona tas-Siġġiewi.

Il-kunsill qal li dwar dan il-MEPA diġà ħarġet żewġ avviżi ta’ infurzar u għalkemm ilu jilmenta għal diversi snin dwar dan l-abbuż ambjentali, sal-lum għadha ma ttieħdet ebda azzjoni biex dan jitwaqqaf darba għal dejjem.

Is-sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal li din hi sitwazzjoni inaċettabbli għaliex il-likwidu u l-materjal maħmuġ huma ta’ periklu għas-saħħa ta’ kull min jagħmel użu minn din it-trejqa fosthom numru ta’ bdiewa. Saħaq ukoll li l-MEPA għandha l-obbligu li mingħajr aktar dewmien tiżgura li dan l-abbuż ambjentali jieqaf darba għal dejjem u li r-razzett jibda jaħdem skont il-liġi u l-permessi li ħarġet l-istess MEPA.