Id-deputati parlamentari fir-Renju Unit għadhom kemm ivvutaw favur sistema għat-twelid tat-trabi bid-DNA ta’ żewġ nisa u raġel wieħed.
Il-vot ħieles, fil-House of Commons ta’ Londra, kien jitratta sistema li tevita li l-mard ġenetiku ta’ potenzjal qattiel jgħaddi mill-omm għat-tifel. Intant, dan il-vot għadda bi 382 favur kontra 128.
Waqt id-dibattitu, il-Ministri qalu li s-sistema — jew teknika — għandha titqies daqslikieku ‘xaqq ta’ dawl f’mina mudlama’ għall-familji. Għaldaqstant, ir-Renju Unit, issa, għandu jsir l-ewwel pajjiż li jintroduċi l-liġijiet li jippermettu għat-trabi bis-sehem ta’ tliet persuni.
Filwaqt li jinħtieġ vot ieħor fil-House of Lords (x’aktarx li lejn l-aħħar tax-xahar), l-ewwel tarbija tista’ titwieled ‘taħt din is-sistema’ proprju s-sena d-dieħla.
Madankollu, mhux kulħadd hu favur it-tragward, bil-Knisja Kattolika u l-Knisja Anglikana fl-Ingilterra jgħidu li l-idea, minbarra li tonqos mill-etika, lanqas m’hi nieqsa mill-periklu, meta, fost oħrajn ‘tinvolvi l-qerda tal-embryos’.
//= $special ?>