Lokali Qorti

Jolqot lil ħuh b’sikkina wara argument ma’ missieru għax ried iraqqad tfajla d-dar

Żagħżugħ ta’ 21 sena mis-Siġġiewi ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn wara li nstab ħati li waqt argument ma’ missieru, spiċċa biex laqat lil ħuh f’idu b’sikkina u kkaġunalu ġrieħi gravi.

Il-każ seħħ kważi sentejn ilu, fit-13 t’April tal-2013, meta Jacob Sammut ħa miegħu d-dar tfajla u ried iraqqadha fid-dar tal-ġenituri tiegħu fejn jgħix. Meta ż-żagħżugħ irritorna d-dar minn Paceville, għall-ħabta tal-5.30am, ma’ Angela Scerri li kienet se torqod għand Sammut, il-missier, Generoso, kien oġġezzjona u kien qam argument. Kien hawn li ż-żagħżugħ spiċċa qabad sikkina u laqat lil ħuh Daniel. Xi ħadd mill-qraba kien ċempel lill-Pulizija li kienu waslu fuq il-post u kkalmaw is-sitwazzjoni.

Fil-Qorti ħareġ li Daniel Sammut kellu bżonn intervent kirurġiku f’idejh iżda ma kienx ġarrab diżabilità permanenti għalkemm għandu farrett li huwa permanenti.

Fix-xhieda tagħha, Angela Scerri spjegat li peress li kienu xorbu ftit meta kienu qegħdin Paceville, iddecidew li jmorru lura għand l-imputat b’taxi u li hi torqod hemm. Skond Scerri, meta waslu għand Jacob, hu mar isaqsi lil ommu jekk tistax torqod għandhom. Qalet li hi ma daħlitx fil-kamra ta’ ommu u għalhekk ma tafx x’diskors intqal bejniethom iżda meta ħareġ l-imputat minn ħdejn ommu, l-imputat u hi telgħu fuq biex jorqdu.

Scerri spjegat kif f’daqqa waħda missier Jacob beda jgħajjat u jgħidilha biex tmur, u anke qabdu jgħajtu hu u l-imputat, li spiċċa mal-art u infaraġ. Qalet li sadanittant kien wasal ukoll ħu l-imputat. Irrakkuntat li għal mument, l-affarijiet dehru li kienu kkalmaw xi ftit, tant li l-imputat u Scerri niżlu fis-sular t’isfel, iżda skond Scerri l-imputat tant kien irrabjat li beda jfajjar u jkisser l-affarijiet.

Qalet li kien hawn li reġa’intervjena ħuh u ż-żewġ żgħażagħ bdew jagħtu bil-ponn filwaqt li Scerri bdiet tgħidilhom biex jieqfu. Kompliet tispjega li hi ntlaqtet b’xi ħaġa li kien tajjar l-imputat u bdiet tibża’, u għalhekk omm l-imputat għajtitilha biex tmur fil-garaxx fejn baqgħu ż-żewġ nisa flimkien sakemm waslu l-Pulizija. Scerri qalet ukoll li hi ma tafx x’ġara fil-kċina u b’mod partikolari kif Daniel intlaqat bis-sikkina għaliex dak il-ħin kienet fil-garaxx.

Min-naħa tiegħu, Generoso Sammut qal li meta nduna li kien hemm il-ħabiba ta’ Jacob id-dar, hu qalilhom biex jitilqu ’l barra t-tnejn imma għal dan id-diskors, ibnu ħebb għalih. Skont il-missier, ibnu Daniel ipprova jikkalma lil ħuh u niżlu t-tnejn fis-sular t’isfel fil-waqt li hu baqa’ fis-sular ta’ fuq. Il-missier qal li f’ħin minnhom sema’ lil Daniel jwerżaq li Jacob kien tah daqqa ta’ sikkina u tela’ jiġri fuq fejn baqgħu sa kemm waslu l-Pulizija. Il-missier qal ukoll li Jacob tela’ jiġri wara ħuh imma huma għalqu l-bieb tal-kamra fejn kienu u għalhekk Jacob reġa’ niżel fis-sular t’isfel.

L-imputat ma nstabx ħati li bl-imġieba tiegħu kkaġuna biża’ fuq missieru u ħuh li kienet se ssir vjolenza fil-konfront tagħhom. Il-Qort,i fis-sentenza tagħha, qalet li dwar il-piena hemm diversi fatturi li għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni, fosthom in-natura gravi tar-reat li tiegħu instab ħati l-imputat imma wkoll il-kondotta nadifa tiegħu u l-fatt li dakinhar tal-każ kellu biss 19-il-sena. Il-Qorti qalet ukoll li r-relazzjoni bejn l-membri tal-familja Sammut ġew b’xi mod jew ieħor ristabbiliti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.