Lokali

Jonqsu l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol bejn Ottubru u Diċembru

L-inċidenti fuq il-post tax-xogħol fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet naqsu b’29 jew bi 3.7% meta mqabbla mal-2013, waqt li ma kien hemm ebda inċident li wassal għall-mewt.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li b’kollox kien hemm 725 inċident fuq il-post tax-xogħol bejn Ottubru u Diċembru li għaddew, l-iktar fil-qasam tal-manifattura segwit mill-kostruzzjoni, u l-qasam tat-trasport u l-imħażen. Naqsu l-inċidenti fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika u d-difiża imma żdiedu dawk fis-settur tas-saħħa jew qasam soċjali. L-iktar inċidenti seħħew f’entitajiet li jħaddmu iktar minn 500 persuna u f’xogħlijiet meqjusa elementari jew ta’ snajja’.

46.5% tal-inċidenti affettwaw in-nofs ta’ fuq tal-ġisem fosthom is-swaba’ jew l-idejn. L-iktar inċidenti wasslu għal feriti jew uġiegħ superfiċjali, li żdiedu bi 33%, segwiti minn dislokazzjoni, tfekkik u inċidenti simili, li naqsu bi 15%.