Lokali Parlament Saħħa

Ma jgħidx kemm daħlu nies kuljum għall-kura fl-Isptar Mater Dei

Lanqas ma jwieġeb għal għadd ta’ mistoqsijiet dwar il-kura li qed tingħata lill-pazjenti

Il-Ministru għas-Saħħa u Enerġija, Konrad Mizzi, ma tax informazzjoni fil-Parlament dwar kemm daħlu nies kuljum għall-kura fl-Isptar Mater Dei minn Novembru tas-sena l-oħra sal-lum.

Fit-tweġiba tiegħu bil-miktub, il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

L-informazzjoni lill-Ministru Mizzi ntalbet mix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, li talbet ukoll lill-Ministru Mizzi jgħid ukoll kemm daħlu nies fl-Isptar Mater Dei fl-istess perjodu fl-aħħar tliet snin.

Lanqas ma ta informazzjoni dwar kemm ġew rilaxxati pazjenti mill-Isptar Mater Dei fl-istess perjodu fl-aħħar tliet snin; u kemm ġew rilaxxati pazjenti li reġgħu daħlu fl-Isptar għal kura fi żmien ġimgħa, u jqabbel dan ukoll mal-aħħar tliet snin.

Naqas ukoll li jagħti informazzjoni dwar x’kien il-ħin medju ta’ stennija fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei; u kemm kienet il-medja ta’ sigħat tal-pazjenti li okkupaw sodda fl-isptar, u jqabbel dawn in-numri ta’ sigħat u ħinijiet mal-istess perjodu fl-aħħar tliet snin.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa fl-aħħar ġimgħat ressqet għadd ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Mizzi fid-dawl tas-sitwazzjoni allarmanti fl-Isptar Mater Dei fejn kurituri tal-Isptar ilhom jintużaw sa minn Novembru li għadda bħala post fejn jingħataw il-kura l-pazjenti.

Il-ġimgħa li għaddiet stess fil-Parlament, l-istess Ministru Mizzi kkonferma li kien hemm it-tieni mewta ta’ pazjent li miet fil-kurituri.