Għandu jinfluwenza biex persuni bi bżonnijiet speċjali li jużaw scooters tal-elettriku jitħallew jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja
Ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici appellat lill-Gvern biex jirbaħ is-sens komun, jintervjeni u jinfluwenza biex il-kumpanija Autobuses de Leon li ngħatat il-kuntratt mill-Gvern tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna, tirrevedi l-policy li tħaddem kull fejn topera s-servizzi tat-trasport, dik li ma tħallix persuni b’kundizzjonijiet u bi bżonnijiet speċjali li jagħmlu użu minn scooters tal-elettriku, jużaw is-servizz tat-trasport.
Ix-Shadow Minister għall-Politika soċjali tkellmet fil-Parlament dwar il-każ ta’ persuna li tagħmel użu minn scooter tal-elettriku, li issa mhix se titħalla tuża t-trasport pubbliku. Il-kumpanija kkonfermat li ma jistax jintuża scooter tal-elettriku fuq il-karozzi tagħha fis-sistema tat-trasport pubbliku minħabba li din hi l-policy tal-kumpanija. Il-każ kien żvelat fi Newsfeed fuq Net Television il-ġimgġa li għaddiet.
Filwaqt li rrimarkat li dan il-każ diġà jinsab quddiem il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà li talbet ukoll laqgħa dwar dan, kif ukoll esprimiet it-tħassib tagħha għad-dikjarazzjoni tal-kumpanija li mhux se taċċetta scooters tal-elettriku li jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja, Paula Mifsud Bonnici tefgħet ir-responsabbiltà ta’ dan kollu f’ħoġor il-Gvern.
Ix-Shadow Minister ressqet għadd ta’ mistoqsijiet lill-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi fil-kuntest ukoll tal-wegħdi li għamel il-Partit Laburista li bil-kliem offra ġenna tal-art u llum il-Partit Laburista u l-Gvern qed indewbu l-imrar tan-nies li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.
Irrimarkat li kien fl-obbligu ta’ dan il-Gvern li meta l-Ministru Joe Mizzi mar Spanja biex jara kif taħdem din il-kumpanija qabel ma ta l-kuntratt, kellu wkoll jiċċekkja l-policies li tħaddem il-kumpanija, fosthom il-policy li ma tħallix scooters tal-elettriku jitilgħu fuq il-vetturi ta’ din il-kumpanija.
Fissret li l-iscooters tal-elettriku jintużaw minn persuni bi problemi ta’ mobbiltà u li jimxux fit-tul. Hu apparat li hu s-soluzzjoni għal dawn il-persuni bi problemi ta’ mobbiltà.
Irrimarkat ukoll li l-Gvern u l-Ministru Joe Mizzi ma kellhom qatt jinnegozjaw ma’ kumpanija li għandha policy bħal din. Staqsiet jekk il-Ministru Mizzi kienx jaf li l-kumpanija Spanjola għandha din il-policy, u jekk kien jaf, għaliex kompla għaddej bit-trattattivi ma’ din il-kumpanija u għaliex ma influwenzax biex din il-kumpanija tbiddel il-policy u tħalli lil dawn il-persuni jużaw it-trasport pubbliku.
Paula Mifsud Bonnici qalet li dan hu Ministru li ħalla kollox għaddej. Turija ta’ Gvern li qed juri insensittività lejn persuni li għandhom bżonn l-għajnuna, u Ministru li lanqas biss ġieħ il-ħsieb jistaqsi dwar il-policy tal-kumpanija.
Fissret li hemm diversi pajjiżi, bħall-Awstralja, li għandhom regolamenti dwar l-użu tal-iscooters tal-elettriku fuq is-sistema tat-trasport pubbliku b’obbligi kemm għal min iħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku kif ukoll għal min jagħmel użu mill-iscooters tal-elettriku. Fissret li huma diversi t-tipi ta’ scooters tal-elettriku li ma joħolqu ebda diffikultà għas-sistema tat-trasport pubbliku.
Paula Mifsud Bonnici appellat għal soluzzjoni, u lill-Gvern biex jintervjeni u jkun parteċipi fid-diskussjonijiet li se jsiru biex jassigura li scooters tal-elelttriku jitħallew taħt regoli u kundizzjonijiet li jagħtu wkoll sigurtà u serħan il-moħħ.
//= $special ?>