Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Libjan wara li hedded lil martu

Libjan ta’ 34 sena, li ismu mhux qed jixxandar biex titħares l-identità ta’ martu li hi Maltija, ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li taha fastidju u li heddidha.

Ir-raġel ammetta li wettaq ir-reati fl-aħħar ta’ Jannar li għadda u anke fil-jiem ta’ qabel. Akkużi oħrajn, li għalihom ukoll ammetta meta mressaq mill-Ispettur Nicholas Vella, huma li kkaġuna biża’ fuq martu, li għamel ħsara ta’ mhux aktar minn €250 fil-propjetà tagħha u li saru wkoll insulti fil-konfront tagħha permezz tal-mobile.

Il-Qorti ordnat ukoll lil-Libjan biex ma jersaqx lejn martu li magħha bħalissa għaddejjin proċeduri ta’ separazzjoni.

Għar-raġel, li qal li ma jaħdimx, deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace.