Internazzjonali

Suldati Franċiżi aggrediti f’Nizza

Tliet suldati li kienu għaddejjin bir-ronda barra ċentru tal-Lhud fil-belt Franċiża ta’ Nizza spiċċaw aggrediti minn raġel armat b’sikkina, bi tnejn minnhom jindarbu ħafif.

Ir-rapporti dwar l-inċident għadhom deħlin u ingħad li l-aggressur spiċċa arrestat, b’żewġ persuni li kienu miegħu jirnexxielhom jaħarbu mill-inħawi. Il-każ għadu qed jiġi investigat.

Aktar qabel, il-Pulizija Franċiża arrestat tmien irġiel issuspettati li qed jirreklutaw il-ġellieda għal mal-militanti Iżlamiċi fis-Sirja.

L-arresti saru fl-inħawi ta’ Pariġi u Lyon u l-Ministru Franċiż għall-Intern, Bernard Cazaneuve, qal li m’hemm l-ebda konnessjoni mal-attakki ta’ Jannar fuq il-kwartieri tal-ġurnal satiriku Charlie Hebdo fejn kienu sfaw massakrati l-membri tal-istaff, inklużi numru ta’ karikaturisti.