Lokali Qorti

Tibqa’ arrestata wara allegat rapport falz kontra żewġ Taljani

Mara ta’ 33 sena, imwielda Sqallija, inżammet taħt arrest preventiv wara li allegatament għamlet rapport falz fil-konfront ta’ żewġ Taljani. Hi sostniet li dawn serqulha mobile, flus kontanti li jaqbżu l-€100 u ċ-ċavetta tal-kamra mill-istess kamra tagħha tal-lukanda.

Il-mara, li oriġinarjament tat isem kuġinitha lill-Pulizija, qed tinsisti li jisimha Roberto Castelli u li mwielda Paterno. F’Malta, kienet qed tgħix fil-lukanda Tropicana f’San Ġiljan.

Il-mara, li għandha dehera ta’ Sud-Amerikana, ġiet mixlija li għamlet ir-rapport falz għall-ħabta tat-3.30am ta’ nhar it-Tnejn fejn qalet li ż-żewġ Taljani serquha wara li għamlu xi ħin fil-kamra tagħha.

Fix-xhieda tagħhom, it-Taljani qalu li huma kienu arrestati mill-Pulizija u qalu li minkejja li dak il-lejl kienu xorbu, jinsabu ċerti li ma wettqu l-ebda serqa. Huma qalu wkoll li jaf lill-akkużata għax ġieli rawha, peress li kienet tkun ħafna Paċeville fejn iħobbu jmorru huma.

Wieħed mit-Taljani qal ukoll li hu taha €50 biex hu u sieħbu jmorru għal servizzi sesswali, xi ħaġa li huma għamlu.

L-Ispettur Carol Fabri qalet li Castelli tgħix ġurnata b’ġurnata fil-lukanda u kienet se tasal f’punt li toqgħod fuq bank fejn l-istabbiliment Burger King, f’Paceville.

Il-Maġistrat Charmaine Galea ma laqgħetx it-talba għal-libertà proviżorja bil-każ ikompli nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Frar filgħodu. Għall-mara deher l-Avukat Simon Micallef Stafrace.