Lokali Qorti

Tuneżin illiberat fuq ħarba mid-detenzjoni għax il-każ preskritt

Tuneżin ta’ 30 sena ġie illiberat mill-akkuża li ħarab minn post ta’ detenzjoni għax il-każ seħħ aktar minn tmien snin ilu.

Walid Belgasem kien ħarab miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal-Safi, aktarx fl-10 t’Ottubru tal-2006. Kien tressaq il-Qorti wara li hu stess kien mar id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni jitlob xi flus li skont hu kellu jieħu mingħand il-Pulizija.

L-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, l-Ispettur Darren Buhagiar, qal li Belgasem kien mar l-uffiċċju tal-Immigrazzjoni fejn kien qal li l-flus li kellu fuqu meta kien wasal Malta bil-baħar, kienu ttieħdu mill-Pulizija u ma ngħatawlux lura.

L-Ispettur Buhagiar qal li kull min jiġi Malta illegalment jittieħdu l-affarijiet personali tiegħu, u fil-każ ta’ flus tingħatalu rċevuta, u wara jingħatawlu lura. Imma wara aktar minn tmien snin, ir-raġel mar issa biex jitlob il-flus.

Qal li mir-rekords jirriżulta li Belgasem kien ilu maħrub miċ-ċentru ta’ detenzjoni għal aktar minn tmien snin. Skont l-ispettur Buhagiar, Belgasem baqa’ Malta, bidel diversi indirizzi u beda jaħdem f’Malta.

L-Avukat Simon Micallef Stafrace, li deher għal Belgasem, qal lill-Maġistrat Charmaine Galea li dan il-każ hu preskritt skont il-liġi għax il-perjodu ta’ preskrizzjoni hu ta’ ħames snin. Il-Prosekuzzjoni qalet li fil-liġi hemm li xi ħadd li ma jkunx magħruf, ma tiskattax il-Preskrizzjoni f’dan il-każ. Fir-risposta tagħha, id-Difiża qalet li żgur li min-naħa taċ-Ċentru ta’ Detenzjoni kienu konxji li r-raġel kien ħarab u suppost bdiet minnufih tfittxija għalih, iżda jidher li ma saritx.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża u illiberat lil Belgasem fejn qalet li l-każ issa huwa wieħed preskritt.