“Jekk il-Monti jintrama tul Triq l-Ordinanza kollha, se jkun sar sfreġju fuq il-Belt Valletta. Nappellaw għas-sens komun u l-monti ma jibqax tiela’ fil-parti bejn il-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal.
Appell qawwi miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef lill-Gvern waqt konferenza tal-aħbarijiet, propju fil-post fejn qed ikun ippjanat li jsiru l-monti, bin-numri tal-postijiet diġa’ immarkati fl-art fejn se jarmaw il-bankarelli tal-monti.
Jason Micallef fakkar li l-Fondazzjoni Valletta 2018 għandha responsabbilta’ statutorja li tassigura r-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-Belt Valletta; li twieġeb lill-Parlament u bi ftehim mal-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern. L-ispazji miftuħin huma rari fil-Belt Valletta u dawn m’għandhomx ikunu mittiefsa.
Jason Micallef kompla li l-Fondazzjoni kellha l-ewwel ħjiel dwar ir-rilokazzjoni tal-monti lejn Triq l-Ordinanza fil-bidu tas-sena li għaddiet u t-talbiet għall-informazzjoni kienu mwieġba b’mod xott. Fid-29 ta’ Lulju li għadda, hu, flimkien maċ-Chairman ta’ sitt entitajiet oħra – it-Teatru Manoel, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, il-Kunsill Malti għall-Arti, Heritage Malta, Il-Kavallier ta’ San Ġakbu u Pjazza Teatru Rjal – kitbu lill-Ministru Chris Cardona fejn appellawlu biex il-monti ma jibqgħux telgħin sal-parti fejn hemm mil-proġett tad-daħla tal-Belt.
It-tweġiba għal din l-ittra ma ġietx mill-Ministru Cardona iżda mill-Perit William Lewis, iċ-chairman tal-Kumitat għar-rilokazzjoni tal-monti, bil-kontenut jiġi deskritt minn Jason Micallef bħala “wieħed mhux aċċettabbli.” Minn dakinhar ‘l hawn ma kienx hemm iktar informazzjoni sakemm il-kwistjoni saret pubblika fl-aħħar jiem.. F’kumment ma’ maltarightnow.com, Jason Micallef qal li minkejja r-reazzjoni negattiva mill-awtoritajiet fis-Sajf li għadda, hu jinsab ottimist li se jirbaħ is-sens komun, mhux l-inqas minħabba r-reazzjoni qawwija mill-professjonisti, periti, artisti u l-pubbliku in ġenerali. Madanakollu ma xtaqx jikkummenta dwar x’jiġri jekk l-appell tiegħu u tal-entitajiet kulturali l-oħra ma jintlaqax mill-Gvern.
Minbarra li jkun irrovinat l-aspett estetiku tal-inħawi, Jason Micallef sostna li l-monti joħolqu wkoll problemi loġistiċi għall-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Parlament, Pjazza Teatru Rjal u Pjazza de Vallette. Hu qal li ma jaqbel xejn mad-diskors dispreġġjattiv li sar mill-bejjiegħa tal-monti fil-konfront tal-proġett ta’ Renzo Piano iżda daqstant ieħor ma qabilx mad-diskors dispreġġjattiv li sar mill-pubbliku fil-konfront tal-bejjiegħa tal-monti.
Jason Micallef tenna li l-wegħda elettorali tista’ tinżamm, imma għandha tinżamm b’rispett sħiħ lejn il-Belt Valletta.
//= $special ?>