Futbol Sport

Attakkant Serb u ieħor Brażiljan jingħaqdu ma’ Hibernians

Wara jiem ta’ provi intensivi ma’ Hibernians, il-leaders akkwistaw il-firma ta’ Marko Rajic, Serb li għandu 23 sena, u l-Brażijan Andre Luis De Melo Lima li għandu 26 sena.

Il-wasla f’Malta ta’ dawn l-akkwisti kienet żvelata minn Replay iktar minn ġimgħa ilu.

Marko Rajic hu plejer mill-iktar interessanti li dan l-istaġun kien qed jilgħab fl-ogħla diviżjoni fis-Sebja ma’ Sindelic Beograd. Magħhom lagħab tnax-il partita.

F’dawn l-aħħar staġuni lagħab fil-Premier League Serba ma’ żewġ klabbs oħra li huma Mladenovac u Teleoptik.

Fl-istaġun 2012/13 saħansitra lagħab fil-Kamponat Ungeriż ma’ Honved II, għalkemm lagħab biss erba’ darbiet f’dan il-kampjonat u skorja żewġ gowls.

Fil-passat Rajic lagħab ukoll mat-tim nazzjonali Serb ta’ taħt id-19-il sena.

Minn naħa l-oħra Andre Luis De Melo Lima qatta’ l-maġġoranza tal-karriera tiegħu jilgħab fil-Brail, u dan l-aħħar kien parti mill-attakk tal-klabb Itumbiara.