Ewropa

Bdiewa Maltin jiddiskutu l-agrikoltura mal-Viċi President tal-Parlament Ewropew u mal-MEP Comodini Cachia

Grupp ta’ bdiewa Maltin kellhom laqgħa ta’ diskussjoni dwar il-ġejjieni tal-biedja f’Malta, fuq stedina tal-Ewroparlamentari Nazzjonalista Therese Comodini Cachia fil-Parlament Ewropew.

Fil-laqgħa mal-Viċi President tal-Parlament Ewropew Mairead McGuinnes, li hi wkoll membru tal-kumitat tal-ambjent u l-iżvilupp rurali, il-bdiewa Maltin ddiskutew ukoll il-politika agrikola komuni u x’effett għandha din fuq Malta, u l-isfidi li qed jiffaċċjaw ta’ kuljum.

Waqt li ngħataw informazzjoni dwar il-politika li qed tiġi diskussa fi ħdan il-kumitat tal-agrikoltura tal-UE, il-bdiewa semmew id-diffikultajiet li qed jinkwetawhom, fosthom speċi ġdida ta’ naħla li tidher li qed tidħol f’Malta u li tista’ taffettwa, jew saħansitra teqred, l-ispeċi indiġena u għalhekk ikollha effett negattiv fuq l-għasel Malti.

Il-bdiewa wrew it-tħassib tagħhom dwar l-użu ta’ fondi Ewropej mill-Gvern Malti għall-qasam agrikolu għal dawn is-seba’ snin, waqt li saħqu li l-karatteristiċi partikolari tal-biedja Maltija qed tippreżenta sfidi, fosthom dawk ambjentali u naturali, li jpoġġuhom fi żvantaġġ.

Semmew ukoll l-isfida kbira li qed jiffaċċja l-qasam hekk kif mhux jirnexxilu jattira biżżejjed żgħażagħ biex jidħlu jaħdmu fih tant li l-parti l-kbira tal-bdiewa Maltin illum għandhom iktar minn 55 sena. Il-Viċi President McGuinness qalet li anke f’pajjiżha, l-Irlanda, kien hemm din l-isfida imma nħolqu inċentivi apposta biex jindirizzawha.

L-Ewroparlamentari Comodini Cachia semmiet l-istitut tal-Agrikummerċ tal-MCAST li qed joffri taħriġ meħtieġ għall-biedja moderna f’Malta. Fl-istess ħin, hi ħeġġet lill-bdiewa Maltin biex iżommu ruħhom infurmati fuq ix-xogħol tal-UE fil-qasam tagħhom biex ikunu jistgħu jinfluwenzaw deċiżjonijiet biex dawn jirrispettaw iktar l-isfidi tal-bdiewa Maltin.

Fiż-żjara tagħhom, il-bdiewa kellhom l-opportunità wkoll jiltaqgħu mal-advisors tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew għall-kumitat tal-agrikoltura. Il-bdiewa Maltin semmew it-tmiem tal-kwoti tal-produzzjoni tal-ħalib u anke l-ftehim tal-kummeċ trans-atlantiku li s’issa ma ħalliex reazzjonijiet pożittivi fost is-settur. L-Ewroparlamentari Nazzjonalista wegħdet li se taħdem ma’ kollegi tagħha f’dan il-kumitat biex tkompli timbotta ’l quddiem l-interessi tal-bdiewa u l-produtturi Maltin ladarba m’hemm ebda Ewroparlamentari Malti li jaħdem direttament fuq dan il-kumitat.