Mill-elezzjoni ‘l hawn telqu u rriżenjaw mill-Korp tal-Pulizija 165 uffiċjal jew membru. Fost dawn kien hemm fost l-ogħla uffiċjali fil-Korp, fosthom żewġ Kummissarji tal-Pulizija u żewġ supretendenti u żewġ spetturi, u aktar minn 120 kuntistabbli.
Dan kien ikkonfermat mill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela meta llejla fil-Parlament wieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
Għal diversi mistoqsijiet supplimentari, il-Ministru Abela kkonferma li fil-ġimgħat li ġejjin se tinħareġ sejħa għar-reklutaġġ ta’ membri ġodda fil-Korp, bil-Ministru jgħid li n-numru ta’ rekluti jista’ jlaħħaq għal madwar mitt membru għalkemm qal li dan ukoll jiddependi mill-appprovazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi li bħalissa għaddejjin miegħu t-taħditiet.
Qudddiem din l-esperjenza li għadda minnha l-Korp f’dawn l-aħħar sentejn fejn rajna wkoll żewġ Kummissarji maħtura minn dan il-Gvern stess li kellhom jirriżenjaw, it-tweġiba s’issa kienet li jdaħħal lura fil-Korp numru konsiderevoli ta’ membri li kienu rtiraw mill-Korp, b’diversi minnhom li kienu ilhom snin twal li ħallew il-Korp u reġgħu ddaħħlu lura.
Minn informazzjoni li ngħatat fil-Parlament fl-aħħar ġimgħat, jirriżulta li fost dawk li ddaħħlu mill-elezzjoni ‘l hawn kien hemm żewġ pulizija ta’ riżerva fl-età bejn is-70 u t-80 sena, u 11 oħra fl-età bejn is-65 sena u s-70 sena.
Minn fost dawk ukoll li ddaħħlu lura fil-Korp kien hemm min kien ilu li rriżenja mill-Korp sa mill-1986, fl-1987, fl-1988, fl-1989, u wara dan in-nuqqas kollu mill-Korp, illum qegħdin jerġgħu jservu fil-Korp.
//= $special ?>