Internazzjonali Unjoni Ewropea

IL-KROAZJA: Taħfer id-dejn taċ-ċittadini fqar

Din il-ġimgħa fil-Kroazja daħlet fis-seħħ inizjattiva tal-Prim Ministru Zoran Milanovic, li biha dawk li għandhom dħul baxx u huma meqjusa bħala fqar jistgħu japplikaw biex id-dejn li għandhom jitħassar. Dan qed isir fi sforz biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-pajjiż.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-kunsilli lokali, kumpaniji tal-elettriku u tal-ilma, tat-taxxi, tat-telekomunikazzjoni u l-banek iridu jaħfru d-dejn ta’ dawk meqjusa bħala fqar. Dan japplika għal dawk li jaqilgħu anqas minn 160 ewro fix-xahar u li għandhom dejn ta’ anqas minn 5,000 ewro.
Din l-iskema tapplika biss għal dawk in-nies li m’għandhomx flus il-bank jew proprjetà. Hu stmat li minn din l-iskema se jgawdu mas-60,000 persuna.
Milanka Opacic, il-Ministru tas-Servizzi Soċjali, insistiet li din kienet se tkun miżura ta’ darba.
Sas-sena l-oħra kien hemm 322,000 Kroat li kellhom il-kontijiet fil-banek iffriżati għaliex ma kinux qed iħallsu l-kontijiet, u d-dejn tagħhom kien ta’ madwar seba’ biljun ewro.

Aktar f’IN-NAZZJON ta’ għada