Il-kultura ta’ pajjiżna se taqla’ daqqa kbira ‘l isfel għax Joseph Muscat hu priġunier tal-wegħdiet populisti li għamel hu stess. Hekk kiteb il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi tweet (ritratt isfel) dwar id-deċiżjoni ta’ Muscat li jħalli l-Monti fit-triq ta’ bejn il-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal.
Fil-jiem li għaddew, kienu bosta dawk li ma qablux mad-deċiżjoni tal-Gvern li jqiegħed il-Monti f’dan il-post partikolari għax ikerraħ dak ippjanat b’tant reqqa għall-proġett tad-Daħla tal-Belt. Fost oħrajn, spikkaw il-kummenti ta’ kundanna mill-Kamra tal-Periti u anke minn Jason Micallef, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista u llum Chairman tal-Fondazzjoni Valletta2018.
Kummenti ta’ kritika waslu wkoll mill-Kunsill Lokali tal-Belt, li flimkien mal-Fondazzjoni V18 qalu li stennew li l-Gvern kellu jikkonsulta magħhom qabel ħa d-deċiżjoni.
Fil-jiem li għaddew il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iwiegħed li taħt it-tmexxija tiegħu, il-Monti tal-Belt ma jibqax f’dan il-post li se jkerrah il-proġett ta’ Renzo Piano.
//= $special ?>