L-aħbar li Malta kompliet tnaqqas il-bejgħ mill-ħwienet f’Diċembru li għadda, minflok iżżid kif għamlu l-bqija tal-pajjiżi taż-żona ewro, hu ta’ tħassib għal min jaħdem għal rasu u jqajjem dubji dwar il-flus fil-but.
Il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament Mario de Marco, li hu Shadow Minister għall-Finanzi, u l-Kelliem għan-Negozji u s-Self-Employed Robert Arrigo qalu dan fi stqarrija b’referenza għall-aħħar statistika ppubblikata mill-Eurostat illum.
Iż-żewġ kelliema qalu li Malta tispikka fost il-pajjiżi li marru ħażin fost it-28 pajjiż tal-UE hekk kif l-istatistika uriet li f’Diċembru 2014 il-bejgħ mill-ħwienet naqas b’1.4% meta mqabbel ma’ Diċembru 2013.
Urew iktar tħassib għall-fatt li meta wieħed jeskludi l-fuel u l-karozzi mill-kalkoli, id-differenza fil-bejgħ mill-ħwienet togħla għal 6.5%. Saħqu li hu ta’ sfortuna li l-Gvern qed jirrifjuta li jirrikonoxxi li l-problema teżisti.
Iż-żewġ kelliema tal-PN qalu wkoll li l-Gvern qed jagħżel x’informazzjoni jikkwota biex ipinġi stampa li kollox miexi tajjeb iżda naqas milli jagħti spjegazzjoni dettaljata li t-tkabbir fit-turnover tal-ħwienet u tal-bejgħ bl-imnut hu minfuħ b’mod artifiċjali minħabba l-prezz tal-fuels.
L-Oppożizzjoni għalhekk saħqet biex ikun hemm dibattitu serju dwar il-qagħda tal-ekonomija u l-finanzi pubbliċi waqt li ħeġġet lill-Gvern biex jippreżenta pjani konkreti ta’ kif se jgħin lil dawk is-setturi tal-ekonomija li qed jaraw il-kompetittività tagħhom titnaqqar. Għalhekk l-Oppożizzjoni tenniet l-appell tagħha lill-Gvern biex iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel b’mod immedjat, li bħalissa huma r-raba’ l-iktar għolja fl-Ewropa. Hekk, iressaq il-prezz tal-fuel qrib tal-medja tal-UE.
//= $special ?>