Internazzjonali

Ġieħ mis-Salib l-Aħmar lil poplu ta’ Lampedusa

Il-popolazzjoni kollha tal-gżira ta’ Lampedusa se tingħata l-Midalja tad-Deheb mis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar għall-ħidma tagħha f’dik li hi l-immigrazzjoni.

F’ċerimonja nhar il-Ġimgħa li ġej, il-popolazzjoni tal-gżira se tkun rappreżentata mis-sindku ta’ Lampedusa waqt li se jieħdu sehem ukoll il-volontarji ġodda tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar minn Lampedusa u skejjel tal-gżira.

Is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar qed tagħżel li tirrikonoxxi lill-popolazzjoni kollha tal-gżira fil-periferija tal-Italja għaliex dejjem uriet ġenerożità kbira ma’ dawk il-ħafna immigranti li jkunu qed jaħarbu minn gwerer jew minn sitwazzjonijiet iddisprati, u li qabel ma jqisuhom bħala ‘barranin’ ir-residenti ta’ Lampedusa jqisuhom bħala ‘bnedmin’.

L-organizzazzjoni tqis lil kull wieħed u waħda mir-residenti tal-gżira bħala l-protagonisti b’wiċċ uman f’fenomenu li l-politiċi fl-istituzzjonijiet Ewropej għadhom ma jafux jagħtu tweġiba, u li quddiem tant tbatija u s-sitwazzjoni ddisprata tal-wasliet, jimxu b’ġenerożità u mingħajr ebda preġudizzju biex jgħinu lil min qed ibati.

Saħansitra, is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar qalet li l-popolazzjoni ta’ Lampedusa hi ta’ eżempju għall-Italja kollha kemm hi, u li l-midalja li se jingħataw hi sinjal tar-responsabbiltà kollettiva li kull bniedem għandu jkollu quddiem id-diffikultajiet ta’ għajru.