Lokali

Konkluż il-proċess lokali għall-ħatra ta’ Arċisqof – in-nomina tal-Papa taf titħabbar dalwaqt

Jiġi konkluż il-proċess lokali għall-ħatra ta’ Arċisqof ġdid tad-djoċesi ta’ Malta. Dan seħħ wara kważi 3 xhur minn meta l-Papa aċċetta r-riżenja tal-E.T. l-Arċisqof Pawlu Cremona. Issa l-proċess tal-ħatra tal-Arċisqof ġdid waqa f’idejn il-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet, infatti n-nomina tal-Papa Franġisku taf titħabbar dalwaqt.

Kien biss ftit tas-siegħat ilu li n-Nunzjatura Appostolika f’Malta kkonfermat l-għeluq tal-proċess lokali ta’ konsultazzjoni għall-ħatra tal-Arċisqof il-ġdid. L-aħħar stqarrija rigward il-ħatra tal-Arċisqof il-ġdid kienet ħarġet xahrejn ilu, fit-3 ta’ Diċembru, meta kien ingħad li n-Nunzju Appostoliku l-Monsinjur Aldo Cavalli, qed jiltaqa’ ma’ membri tal-kluru, reliġjużi u lajki biex jisma’l-fehmiet tagħhom dwar min se jkompli jmexxi l-knisja kattolika f’Malta.

Is-Segretarju tan-Nunzju, l-Monsijur Simon Sanchez, ikkonferma li l-proċess huwa lest u li issa ġie mibgħut il-file lill-Kongregazzjoni kompetenti tal-Vatikan. Meta jkun lest il-proċess tar-rakkomandazzjoni minn din il-Kongregazzjoni, ir-rakkomandazzjoni tiġi preżentata quddiem il-Papa Franġisku. Dan issir f’udjenza privata li l-prefett tal-kongregazzjoni jkollu mal-Papa. Il-Papa imbagħad jinforma lill-kongregazzjoni bid-deċiżjoni tiegħu ftit jiem wara. Deċiżjoni li tiġi komunikata lin-Nunzju, fejn hu jsejjaħ lis-saċerdot magħżul u jara jekk jaċċetax din is-sejħa.