Appell għal aktar impenn u viżjoni mill-Gvern biex ix-xogħol jibqa’ stabbli u joffri impjiegi ta’ kwalità
Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri appella lill-Gvern li fin-nuqqas ta’ investiment ġdid li fl-aħħar sentejn naqas f’pajjiżna, jaħdem b’aktar impenn u b’aktar viżjoni biex is-suq tax-xogħol jibqa’ stabbli u joffri impjiegi ta’ kwalità.
Fil-Parlament waqt il-ħin tal-aġġornament, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar, tkellem dwar konferenza li attenda dwar il-qagħda tax-xogħol f’pajjiżi Ewropej li trattat it-tip ta’ impjiegi fl-Ewropa u l-istabbiltà tal-impjieg.
Fisser kif l-Ewropa esperjenzat diversi problemi riżultat tal-kriżi internazzjonali li wasslet is-suq tax-xogħol imur għall-agħar.
Tkellem dwar l-importanza li nibqgħu nsaħħu l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja f’kull livell biex nattiraw investiment ġdid li joħloq ix-xogħol, b’aktar investiment biex l-istudenti jkunu jistgħu jilħqu d-domanda tas-suq tax-xogħol.
Semma kif fl-Ewropa, dawk b’livell baxx fl-edukazzjoni żdied bi 3.8% hekk kif kibru d-diffikultajiet biex dawn il-ħaddiema jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Appella għal aktar investiment fl-edukazzjoni biex ikollna aktar studenti li jkomplu bl-edukazzjoni wara l-età obbligatorja fl-MCAST, fl-ITS, fis-Sixth Form u fl-Università. Semma li ‘l fuq minn 80% tal-gradwati mill-Università jirnexxielhom isibu xogħol u jilħqu s-sodisfazzjon tagħhom wara l-istudji.
Appella wkoll lill-Gvern ikompli jinvesti f’korsijiet ġodda u innovattivi fejn il-gradwati jkunu qed jimmiraw lejn tip ta’ xogħol li jistgħu jidħlu fih wara li jtemmu l-istudji tagħhom.
Stephen Spiteri saħaq li l-edukazzjoni hi l-mutur li jmexxi l-pajjiż u l-ekonomija ‘l quddiem. Fisser l-importanza li l-pajjiż ikun kapaċi jattira investiment ta’ kwalità u semma kif fl-aħħar sentejn rajna nuqqas ta’ investiment barrani li kapaċi joħloq impjiegi ta’ kwalità u impjiegi stabbli, u li jikkontribwixxu għall-ekonomija nazzjonali.
Id-Deputat Nazzjonalista appella wkoll biex inħarsu lejn il-pajjiżi Ewropej u naraw kif nistgħu nsostnu s-suq tax-xogħol biex ikompli jirrendi u jkollna l-kunċett ta’ work pay u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar li jeħduna lil hinn mill-prekarjat.
//= $special ?>