Futbol Sport

L-MFA u l-Awtoritajiet fi front komuni kontra l-match-fixing

It-Tlieta filgħodu f’lukanda ewlenija fil-Floriana, saret sessjoni ta’ għarfien bl-isem ‘Say No To Match-Fixing’, organizzata mill-Malta Football Association.

F’din il-laqgħa ħadu sehem uffiċjali tal-MFA u attendew, rappreżentant tal-Kummissarju tal-Pulizija u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, l-Onor. Chris Agius, l-Onor. Jason Azzopardi, Shadow Minister għall-Intern, l-Onor. David Agius, kelliem ewlieni għall-Isport u l-Onor. Kristy Debono, kelliema għall-Kompetittivita’f’isem l-Oppożizzjoni. Attendew ukoll rappreżentanti mill-Malta Gaming Authority u l-Kunsill Malti għall-Isport.

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, fetaħ din is-sessjoni billi qal li l-futbol hu l-aktar sport popolari fid-dinja u li b’xi mod jew ieħor kulħadd għandu xi konnessjoni miegħu. Hu qal li l-MFA għandha eluf ta’ membri reġistrati magħha, filwaqt li l-futbol għandu ekonomija kbira li ssarraf f’attivita’ kummerċjali vasta u li wkoll tinvolvi eluf ta’ partitarji li b’passjoni jsegwu l-logħba domestika.

Is-Segretarju Ġenerali saħaq li, “l-MFA m’għandhiex la l-għodda u lanqas l-awtorita’ sabiex jiġi investigat ir-reat kriminali tal-manipulazzjoni tal-avvenimenti sportivi u l-match-fixing fil-fond, sabiex tikkuntrasta organizazzjonijiet kriminali li qiegħdin jinvolvu ruħhom fi frodi sportiva.”

“Li nħarsu lejn l-abbuż u nħallu kollox għaddej mhux is-soluzzjoni. Ma nixtiequx naslu fejn waslu pajjiżi oħra, bl-istat tal-futbol totalment f’idejn persuni li jużaw l-isport għall-finijiet illeċiti tagħhom. L-MFA istrutturat ruħa sew internament, iżda għadu mhux biżżejjed biex naslu fejn nixtiequ u għalhekk qiegħdin nitolbu l-intervent tal-partijiet kollha interessati fosthom il-partiti politiċi, il-Pulizija, l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-Malta Gaming Authority u l-Kunsill Malti għall-Isport, “ tenna Bjorn Vassallo.

It-tieni parti tas-sessjoni kienet tikkonsisti f’preżentazzjoni minn Franz Tabone, Integrity Officer tal-MFA, li fiha spjega lil dawk li attendew ix-xogħol li wettqet l-MFA f’dawn l-aħħar erba’ snin, il-programmi edukattivi li l-MFA qiegħda twassal lill-membri tagħha u kif ukoll ingħatat analiżi dettaljata dwar is-sitwazzjoni attwali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni kemm fil-logħba domestika u kif ukoll internazzjonalment.

Dr. Chris Bonett, Viċi President tal-MFA u Kap tad-Dipartiment Legali u Governanza, fl-intervent tiegħu tkellem dwar il-bżonn illi tiġi aġġornata l-Liġi dwar il-koruzzjoni fl-isport sabiex tirrifletti l-aspetti internazzjonali u t-teknoloġija moderna fil-ġlieda kontra l-match-fixing, kif ukoll il-ħolqien ta’ struttura speċjalizzata li tinkludi l-uffiċjali pubbliċi u l-awtoritajiet sportivi kompetenti, liema strutturi diġa’ jeżistu f’pajjiżi oħra.

Fl-aħħar laqgħa tiegħu, il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA, approva t-tnedija ta’ Anti-Corruption and Transparency Experts’ Task-Force bl-għan illi fiha jitlaqqgħu l-partijiet interessati biex jaħdmu kontra l-korruzzjoni u favur it-trasparenza u jiżviluppaw approċċ komprensiv biex jiġġieldu l-match-fixing fl-isport.

L-uffiċjali preżenti għal-laqgħa tal-lum lkoll qablu mall-proposti ppreżentati mill-MFA u mistennija jkunu implimentati skont il-pjan ta’ azzjoni li mistenni jkun diskuss fl-ewwel laqgħa tat-Task-Force.

Iktar aħbarijiet mix-xena tal-futbol lokali fuq Replay (Net Television).