Lokali

Policy ġdida mgħoddija mill-Gvern Laburista aktarx twassal biex il-propjetà tal-Ministru Helena Dalli tingħata l-permess tal-iżvilupp

Il-Propjetà tal-Ministru Helena Dalli, fil-limiti taż-Żejtun, aktarx se tingħata l-permess tal-iżvilupp grazzi għal policy li għadda l-Gvern Laburista stess is-sena li għaddiet u ferm wara li saret l-applikazzjoni biex ix-xogħol illegali jiġi sanzjonat.

Rapport li deher fil-ġurnal The Malta Independent jgħid li l-Kummissjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar tal-MEPA aktarx se tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq ir-Rural Policy and Design Guidance tas-sena li għaddiet. Dawn il-linji gwida ġibdu kritika ta’ għaqdiet ambjentali li, skont huma, iwittu t-triq għal aktar żvilupp f’żoni rurali.

Id-deċiżjoni dwar il-farmhouse tal-Ministru Dalli kellha tittieħed ilbieraħ, iżda din reġgħet kienet differita minħabba li Patrick Dalli, ir-raġel tal-Ministru, ma setax jattendi. Lura fl-2012, Patrick Dalli kien applika biex ix-xogħol illegali li sar fuq il-propjetà tiegħu jiġi sanzjonat. Issa, din l-applikazzjoni mistennija tinqata’ fuq policy li ħarġet aktar minn sentejn wara l-applikazzjoni.

Iżda filwaqt li hi n-norma li applikazzjonijiet pendenti jkunu suġġetti għal regolamenti ġodda li setgħu daħlu wara, li mhux tas-soltu hu li applikant jibbenefika minn bidla fil-policy li wasslet minn Kabinett li fih hemm martu stess.

Lejn tmiem is-sena li għaddiet, il-propjetà tal-Ministru Helena Dalli kienet fiċ-ċentru ta’ kontroversja, hekk kif sar magħruf li komplew isiru aktar xogħolijiet fuqha minkejja li kien hemm avviż ta’ infurzar. Għall-ewwel, il-Ministru Dalli u żewġha Patrick qalu li ma kienux jafu bix-xogħolijiet, minkejja li din il-propjetà tinsab tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mir-residenza tagħhom.

Aktar tard, il-koppja Dalli qalet li l-post jinsab fuq konvenju u kien ix-xerrej li kien qed jagħmel ix-xogħolijiet. Madankollu, il-Liġi tgħid li meta propjetà tkun għadha fuq konvenju, is-sidien legali tagħha jibqgħu l-bejjiegħa. Id-deċiżjoni tal-MEPA dwar is-sanzjonar tal-illegalitajiet f’din il-propjetà mistennija tittieħed fl-24 ta’ Frar li ġej.