Lokali Qorti

Protest talli ma ngħatawx liċenzja biex joperaw bħala distributuri tal-gass

Żewġt irġiel li applikaw biex ikunu distributuri tal-gass, ippreżentaw protest separat kontra l-Prim Ministru u l-Awtorita’ għar-Riżorsi wara li t-talba li jinħarġulhom il-liċenzji biex ikunu jistgħu jbiegħu ċilindri tal-gass waqgħu fuq widnejn torox.

Nikolai Busuttil, li qed jiffaċċa proċeduri kriminali akkużat li biegħ ċilindri tal-gass bla liċenzja u Josef Spagnol ilhom madwar sena li applikaw biex jingħataw liċenzja biex jiddistribwixxi ċilindri tal-gass magħruf bħala LPG.

Busuttil u Spagnol qalu li applikaw mal-Awtorita’ b’mod korrett u ssodisfaw il-kriterji kollha skont il-liġi, iżda kienu nfurmati li xorta waħda mhumiex se “jingħataw il-liċenzja għalissa”. Huma qegħdin jargumentaw li l-Awtorita’ hija marbuta legalment li tipproċessa l-applikazzjoni tagħhom fi żmien tliet taħt ir-regolament 7 (7) tal-Avviż Legali 249/2008, iżda dan għadu ma sarx, minkejja li għadda dan iż-żmien kollu.

Huwa qegħdin jallegaw li dan id-dewmien kollu biex tinħareġ liċenzja lilhom u persuni oħra fil-poċizzjoni tagħhom, ifisser li l-Awtorita’ qed tikser il-liġi, u dan qed jiġi attribwit għal mottivi ulterjari minn naħa tagħha.

Il-protest jgħid ukoll li l-Gvern, arbitjarjament għażel numru limitat ta’ distributuri u Busuttil u Spagnol qegħdin jgħidu li huwa kwalifikati daqs dawk diġa’ magħżula bieb ibiegħu ċ-ċilindri, u dan jammonta għal diskriminazzjoni mhux ġustifikata.

Huma qegħdin jitolbu biex jingħataw iċ-ċans li jikkompetu fuq livell ugwali mal-kompetituri tagħhom, u jingħataw l-istess trattament, kundizzjonijiet u benefiċċji li diġa’ kapaċi ngħataw distributiri oħrajn mill-Gvern, u li spiċċaw ħadu l-liċenzja. L-irġiel qegħdin jitolbu lill-Gvern biex b’mod immedjat jopħroġ il-liċenzji u jħallashom għad-danni li ilhom isofru. L-Avukat Robert Abela ippreżenta l-protest f’isem Busuttil u Spagnol.