Internazzjonali

Bint Whitney Houston titneħħa minn fuq il-magni artifiċjali

Bobbi Kristina Brown, bint il-kantanta Whitney Houston, tneħħiet minn fuq il-magna ħames t’ijiem wara li nstabet wiċċa l-isfel ġo banju fl-istat ta’ Georgia, fl-Istati Uniti.

It-tobba fl-isptar ta’ Emory ħadu din id-deċiżjoni proprju ftit tas-sigħat ilu, meta missier Bobbi Kristina, Bobby Brown, kien l-isptar flimkien mal-qraba u l-ħbieb tal-familja.

Proprju llum jaħbat l-għeluq snin ta’ Bobby Brown.

Bobbi Kristina kienet instabet mitlufa minn sensiha fil-kamra tal-banju tar-residenza, fejn  kienet tgħix mas-sieħeb tagħha, nhar is-Sibt li għadda.

Sorsi qrib il-Pulizija ikkonfermaw li Brown tneħħiet minn fuq il-magna wara li għal dawn l-aħħar jiem kienet qed tinżamm f’koma artifiċjali, fejn kienet qed tieħu n-nifs permezz ta’ ventilatur.

Mezzi tax-xandir internazzjonali qed jirrappurtaw li minkejja li tneħħiet minn fuq il-magna, dan ma jfissirx li Brown tilfet il-ġlieda tagħha kontra l-mewt.

Ommha, Whitney Houston, ukoll kienet instabet mejta f’banju ta’ lukanda tliet snin ilu f’Los Angeles, f’ċirkostanzi daqstant ieħor traġiċi. Skont ir-riżultati tal-awtopsja, Houston kienet tilfet ħajjitha minħabba overdose ta’ droga “aċċidentali”.