Aġġornata:
Somalu ta’ 27 sena ġie kundannat tliet snin u disa’ xhur ħabs, mill-Maġistrat Neville Camilleri, wara li ammetta li kkaġuna feriti gravi fuq il-kuntistabbli David Bezzina, li sofra minn ksur f’imnieħru. Jimale Hassan Abdullahi kien immultat ukoll €4,500.
Ir-raġel ammetta li kien fis-sakra u skuża ruħu għal dak li għamel. Fil-passat kien ukoll ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li kien attakka Pulizija, u 18-il xahar ħabs oħra talli ħebb għal anzjan biex jisirqu. Kien ingħata sentenza sospiża wara li attakka lill-Manager taċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa.
L-Ispettur Robert Vella qal li l-Prosekuzzjoni kienet qed titlob għal sentenza effettiva ta’ mhux anqas minn erba’ snin u multa ta’ €4,000. Huwa qal li t-theddid tas-Somalu fil-konfront tal-Pulizija qegħdin jiżdiedu.
L-Avukat Noel Bartolo, li deher għalih, qal li kienu l-Pulizija li pprovokawh billi qattgħulu xi karti li kellu. Minkejja dan, xorta waħda skuża ruħu għall-azzjonijiet tiegħu.
Il-każ seħħ fis-2.20am ta’ dalgħodu meta Abdullahi daħal fl-Għassa tal-Pulizija u talab biex ikellem lil kuntistabbli partikolari. Il-kuntistabbli Bezzina, li kien xogħol, spjegalu li l-persuna li hu ried ikellem ma kienx xogħol iżda Abdullahi baqa’ jinsisti u sar aggressiv fejn beda jgħajjat u attakka lil Bezzina.
Il-Kuntistabbli Bezzina talab għall-għajnuna u meta waslu l-Pulizija tad-Distrett sabu lil Abdullahi jgħajjat u jaġixxi b’mod vjolenti. Marru wkoll il-membri tar-Rapid Intervention Unit li malajr ikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Il-Maġistrat Camilleri, fis-sentenza tiegħu, qal li l-aħjar soluzzjoni hi sentenza ta’ ħabs effettiva u multa.
Aktar kmieni…
Il-kuntistabbli David Bezzina sofra feriti gravi wara li ġie attakkat fl-għassa tal-Marsa. L-aggressjoni twettqet minn raġel Somalu li daħal fl-għassa ftit wara s-2am sabiex jitkellem mas-Surġent li kien xogħol.
Meta l-kuntistabbli qallu li s-Surġent ma kienx fl-għassa dak il-ħin, huwa sar agressiv ħafna u attakka lil Bezzina. Fl-inċident, is-Somalu ukoll sofra xi feriti ħfief.
Sadanittant, dan il-każ ġibed il-kundanna tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA), li ddeplora bil-qawwa dak li ġara. L-MPA fakkret li ilha żmien twil tinnota u tiġbed l-attenzjoni dwar in-numru dejjem jiżdied ta’ inċidenti vjolenti kontra membri tal-Korp tal-Pulizija.
L-Assoċjazzjoni fakkret li l-membri tal-Korp m’għandhom l-ebda polza ta’ assikurazzjoni li tagħmel tajjeb għad-danni li jsofru. Filwaqt li awgurat fejqan ta’ malajr lill-Kuntistabbli involut, l-MPA appellat lill-Qrati biex f’każijiet bħal dawn jingħataw pieni li jirriflettu l-gravità ta’ każijiet bħal dawn.
//= $special ?>