Lokali

Chris Cardona wkoll ma jippreżentax l-accounts tal-kumpanija tiegħu

Il-Ministru Chris Cardona akkumpanjat mill-Prim Ministru Joseph Muscat

Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona ilu ma jissottometti l-accounts tal-kumpanija tiegħu, li fiha hu azzjonist, għal dawn l-aħħar tmien snin mill-2006. Il-kumpanija, Sapmac Company Limited, tidher fil-lista ta’ assi li ppreżenta l-istess Ministru fil-Parlament. Il-ġurnal In-Nazzjon illum ikkwota dokumenti li juru li l-Ministru Cardona mhuwiex azzjonist waħdu fil-kumpanija għax miegħu jidher li hemm ukoll iċ-Chief of Staff tiegħu Mario Azzopardi.

Id-dettalji kollha jirriżultaw mir-rekords pubbliċi li għandha l-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). Skont il-Liġi dwar il-Kumpaniji, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ kumpanija għandhom jiġu ppreżentati mal-Awtorità sa 10 xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja. Fil-każ li dan ma jseħħx, u wara li jinqabeż ukoll grace period ta’ 42 jum, ir-Reġistratur tal-Kumpaniji jimponi multi fuq il-kumpanija.

Mhux magħruf s’issa jekk il-Ministru Cardona ħallasx il-multi applikabbli talli issa ilu ma jippreżenta l-accounts għall-aħħar tmien snin.

Chris Cardona mhuwiex l-ewwel Ministru fil-Gvern Laburista, immexxi minn Joseph Muscat, li ilu daqstant snin ma jippreżenta l-accounts tal-kumpanija tiegħu. Dan hekk kif f’Diċembru li għadda l-ġurnal In-Nazzjon żvela li anke l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ma ppreżentax l-accounts tal-kumpanija tiegħu għall-aħħar ħames snin.

Fil-każ tal-Ministru Scicluna, fl-aħħar sena li għalihom ġew ippreżentati l-accounts (2008), kien iddikjara bejgħ ta’ aktar minn €60,000. Min-naħa l-oħra, fl-aħħar sena li l-kumpanija ta’ Chris Cardona ppreżentat l-accounts(2006), kellha assi ta’ aktar minn nofs miljun ewro. S’issa, għadha mhix magħrufa r-raġuni għaliex Edward Scicluna u Chris Cardona għadhom ma ppreżentawx id-dikjarazzjonijiet għal dawn is-snin kollha.

Qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Joseph Muscat kienet saħaq fuq il-kontabbiltà u li l-politiċi għandhom ikunu ta’ eżempju tajjeb għall-bqija tal-poplu.