Terrorista li nqatel, ftit ilu, mill-pulizija Belġjana kien ippjana biex ikun magħdud bħala ‘mejjet’ fis-Sirja, bl-iskop li jirritorna l-Belġju mingħajr ħadd ma jkun jaf u bl-iskop li jwettaq attakk terroristiku.
Ġellieda mal-grupp ISIS kienu bagħtu messaġġ fuq il-media soċjali li dan it-terrorista, Tarik Jadaoun, ta’ 24 sena, kien ‘miet martri fis-Sirja’ — ġimgħat biss qabel Jadaoun kien mar lura pajjiżu. Dan juri li t-terroristi, fil-preżent, qed jutilizzaw sistemi ta’ ‘misinformazzjoni’ biex iħawwdu lill-qawwiet tas-sigurta.
Jadaoun u terrorista ieħor, Redouane Hagaoui, il-ġimgħa l-oħra, sfaw maqtula minn skwadra ta’ kommandos mal-pulizija fl-inħawi ta’ Verviers, qrib il-fruntiera mal-Ġermanja. Aktar tard, il-pulizija Belġjana qalet li Jadaoun u Hagaoui kienu ‘sigħat biss ‘il bogħod’ milli jwettqu attakk u fejn kellhom il-ħsieb li jaqtgħu ir-ras ta’ pulizija.
Mifhum li ż-żewġ terroristi kienu rritornaw il-Belġju mis-Sirja ftit xhur qabel u wara żmien jiġġieldu ma’ sħabhom tal-ISIS.
Intant, u ladarba inkixef l-attentat tat-terroristi biex iqarrqu bl-awtoritajiet, l-esperti dwar it-terroriżmu esprimew l-inkwiet li din it-tattika qed tintuża diversi drabi mill-jihadisti (ġellieda fi gwerra qaddisa Iżlamika) li ġejjin mill-Punent.
Jaħsbu li talanqas jihadista mir-Renju Unit ukoll ipprova jqarraq ‘b’mewtu’ biex ikun jista’ jirritorna pajjiżu mis-Sirja. Madankollu, dan il-militanti spiċċa arrestat u qed jiffaċċja akkużi b’konnessjoni mat-terroriżmu.
//= $special ?>

