Lokali Parlament

Għadna ma nafux min ħa d-deċiżjoni li jitneħħa John Rolè

Quddiem it-tweġibiet li ta fil-Parlament il-Ministru Michael Farrugia responsabbli mis-settur tal-fostering, il-Gvern baqa’ ma qalx u qed jaħbi dwar min kien wara d-deċiżjoni li jneħħi lil John Rolè mill-qasam tal-fostering.

Fl-Aġġornament, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabbiltà, tkellem dwar il-qasam tal-fostering u qal li sal-lum għadna ma nafux min ħa d-deċiżjoni li jitneħħa John Rolè mill-kariga.

Irrrifera għal numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li saru dwar din id-deċiżjoni li kellha tiġi riveduta wara appelli tal-Oppożizzjoni kif ukoll pressjoni u appelli minn numru kbir ta’ ġenituri li ngħaqdu f’petizzjoni jappellaw lill-Gvern biex ibiddel u jdawwar id-deċiżjoni biex jirritorna John Rolè fil-ħidma tiegħu fis-settur tal-fostering.

Irrimarka li l-Ministru responsabbli mis-settur tal-fostering, Michael Farrugia, ħassu skomdu li jwieġeb mistoqsijiet parlamentari, iżda qal li hu l-poplu li jiġġudika fuq il-mod kif aġixxa l-Ministru dwar din il-kwistjoni u d-deċiżjonijiet li ttieħdu, bil-Ministru jibqa’ jaħrab li jkun ċar u jgħid kif ittieħdu, u min kien wara dawn id-deċiżjonijiet u l-iskopijiet li għalihom kienu ttieħdu biex tneħħiet persuna li l-istess Ministru kellu jerġa’ jdaħħal lura fil-kariga.

Fin-nuqqas ta’ Ministru li ma riedx ikun tarsparenti u jitkellem ċar fuq dak li ġara f’settur tant sensittiv, Robert Cutajar esprima t-tama li dak li seħħ ma sarx biex jakkomoda lil xi ħadd li kien identifikat biex jieħu l-kariga.