Kultura Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ kontra ċ-ċaqliq tas-suq tal-monti għal ħdejn il-Parlament il-ġdid

Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija fi stqarrija llum esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-proposta tal-Gvern li jċaqlaq il-monti tal-belt Valletta minn Triq il-Merkanti għal Triq l-Ordinanza, bejn Pjazza Teatru Rjal u l-bini tal-Parlament il-ġdid.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-pajjiż investa iktar minn €100 miljun f’bini ta’ klassi dinjija li, minkejja li għadu ma tlestiex, diġa’ qed jiġbed l-attenzjoni ta’ bosta periti minn madwar id-dinja, tant li saħansitra qed jintwera f’publikazzjonijiet prestiġjużi tal-arkitettura.

Il-bini tal-Parlament, fih innifsu, se jkompli jżid mal-prestiġju ta’ pajjiżna, fil-mod kif Malta tagħna tħares lejn is-seklu 21, tenniet il-Kamra tal-Kummerċ.

Għalhekk, il-Kamra qed tappella lil Gvern biex jipproteġi l-investiment li sar fl-aħħar snin u jipproteġieh minn kull azzjoni li taf ixxejjen il-valur tiegħu, fosthom billi jevita li jpoġġi s-suq tal-monti viċin tiegħu.
Il-Kamra tal-Kummerċ qed tissuġġerixxi li, jekk għandu jiċċaqlaq, is-suq tal-monti għandu jitqiegħed fil-parti ta’ Triq l-Ordinanza bejn Triq ir-Repubblika u l-Ambaxxata tal-Ordni Sovrana tal-Kavallieri ta’ Malta.

Fl-istess waqt, il-Kamra tal-Kummerċ tiddeplora l-istat li jinsab fih id-dħul tal-belt Valletta, fejn qed jintramaw numru ta’ mwejjed minn fejn qed jinbiegħu l-affarijiet lil dawk kollha li jidħlu fil-Kapitali. Dan imur kontra l-ħsieb oriġinali tal-perit Renzo Piano, u l-Gvern għandu jaġixxi biex jindirizza din il-problema b’mod immedjat.