Lokali

Aġġornata: Il-Qorti tagħti lill-Partit Nazzjonalista żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament

Il-Qorti b’ġurisdizzjoni Kostituzzjonali taqbel mal-Partit Nazzjonalista

14:40 Kif kien mistenni l-Gvern Laburista kkonferma, permezz ta’ stqarrija maħruġa ftit tal-ħin ilu, li se jkun qed jappella mid-deċiżjoni li ngħatat mill-Qorti b’ġurisdizzjoni Kostituzzjonali li fiha ordnat li l-Partit Nazzjonalista jingħata żewġ siġġijiet addizzjonali fil-Parlament Malti, għaliex hekk riedu l-votanti.

13:23 Waqt li kienet qed taqra s-sentenza, u meta beda jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun fit-talba tiegħu, kien hemm reazzjoni ta’ ferħ min-naħa tad-diriġenti tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Qorti b’ġurisdizzjoni Kostituzzjonali ordnat lill-Kummissjoni Elettorali biex fi żmien xahar jibda l-proċess u tirregolarizza ruħha ħalli l-Partit Nazzjonalista jżid żewġ deputati oħra u allura d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, minn distakk ta’ disa’ deputati, dan jonqos bi tnejn.

Buttigieg kienet qed tisħaq f’dan il-każ li 50 vot li ntefgħu f’garżella mhux tagħha, kienu impedew lilha milli titla’ mill-ewwel fuq it-tmien u t-tlettax-il distrett u lill-Partit Nazzjonalista li kellu jeleġi tliet deputati f’dan id-distrett u mhux tnejn. Mistenni appell minn din id-deċiżjoni.

13:18 Il-Qorti qalet li n-nuqqasijiet fil-proċess elettorali wasslu għal riżultati żbaljati u ordnat lill-Kummissjoni Elettorali biex tiddikjara liż-żewġ kandidati tal-Partit Nazzjonalista li l-aktar ġabu voti bħala eletti. Dan għandu jsir fi żmien xahar. Kollox jindika li l-Gvern Laburista mistenni jappella d-deċiżjoni.

Il-Gvern Laburista mistenni jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti b’ġurisdizzjoni Kostituzzjonali

13:00 L-ewwel ritratti mill-Belt Valletta. Ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista jagħtu l-kummenti lill-midja wara din is-sentenza tal-Qorti. Fid-deċiżjoni tagħha, l-Qorti Kostituzzjonali iddeċidiet favur il-Partit Nazzjonalista li sar żball fit-8 u t-13-il distrett.

12:55 Kien fil-31 t’Ottubru 2014 li ġie deċiż li l-Qorti tagħti s-sentenza tagħha dwar dan il-każ fil-5 ta’ Frar. Il-Qorti ngħatat ftit minuti ilu.

12:20 Il-Qorti b’ġurisdizzjoni Kostituzzjonali ta’ Malta fl-aħħar ħin tat sentenza li fiha ordnat li l-Partit Nazzjonalista għandujingħata żewġ siġġijiet fil-Parlament Malti fi żmien tletin ġurnata.

Dan wara li l-Partit Nazzjonalista rebaħ ir-rikors li infetaħ b’rabta mal-każ li seħħ fl-aħħar elezzjoni ġenerali fuq it-tmien distrett elettorali, wara li kien hemm żball fl-għadd tal-voti.

X’kien il-każ?

Fir-Rikors, li tressaq mill-Partit Nazzjonalista u mid-Deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg, Frederick Azzopordi, kif ukoll mill-Kandidat Nazzjonalista Edwin Vassallo, intqal li l-elezzjoni ġenerali tat riżultat li ma jirriflettix ir-rieda tal-votanti. Dan wassal biex minflok ir-rieda tal-votanti, li jkunu eletti Claudette Buttigieg u Frederick Azzopardi bħala kandidati tal-Partit Nazzjonalista, ġew eletti Edward Scicluna u Justyne Caruana f’isem il-Partit Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista qed isostni li f’dak li seħħ fit-8 u t-13-il distrett, ma ġietx rispettata b’mod komplet ir-rieda tal-votant. Il-50 vot mormija ta’ Claudette Buttigieg u l-10 voti fuq id-distrett ta’ Għawdex kienu jagħtu stampa differenti tar-rappreżentanza Parlamentari. Dawn il-voti ma nħlewx iżda ntremew għalxejn.

Dan meta f’pajjiż bħal Malta, suppost isaltan id-dritt ta’ proċess demokratiku, isostni l-Partit Nazzjonalista permezz tal-Avukat Therese Comodini Cachia.

rebha pn qorti kostituzzjonali