Lokali Qorti

Illiberat bil-kundizzjoni wara li ta fastidju lil mara li ffissa fuqha

Libjan ta’ 27 sena ġie lliberat, bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn, wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li ta fastidju lil mara li ffissa fuqha. Din il-mara kienet l-ex tfajla tiegħu li hu ried jiżżewwiġha bilfors.

Ahmed Aqeil ammetta li taha fastidju, li kkawżalha biża’ u heddidha li kien se joqtolha. Ammetta wkoll li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li kiser l-ordni pubblika. Mill-provi rriżulta li hu ċempel lill-ex tfajla tiegħu Dejabile, aktar minn 28 darba minn fuq il-mobile, fejn kien juża numru mhux magħruf.

Wara li t-tfajla għamlet rapport mal-Pulizija, Aqeil kien ġie arrestat iżda rreżista u rnexxielu jaħrab, fejn weġġa’ żewġ Pulizija fil-proċess. Il-ġustifikazzjoni tiegħu kienet li kien mhedded li kien se jiġi deportat lejn il-Libja.

Minbarra l-libertà kundizzjonata, il-Qorti ordat biex ma jersaqx lejn l-ex tfajla tiegħu fi żmien tliet snin.

L-Avukat Noel Bartolo deher għal Aqeil filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jason Francis Sultana.