Lokali

Illum mistennija deċiżjoni dwar ir-Rikors Kostituzzjonali tal-PN wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet

Il-Qorti Kostituzzjonali dalgħodu mistennija tagħti deċiżjoni fir-Rikors Kostituzzjonali li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista dwar il-każ li seħħ fl-aħħar elezzjoni ġenerali fuq it-tmien distrett elettorali, wara li kien hemm żball fl-għadd tal-voti.

Fir-Rikors, li tressaq mid-Deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg, Frederick Azzopordi u Edwin Vassallo, intqal li l-elezzjoni ġenerali tat riżultat li ma jirriflettix ir-rieda tal-votanti. Dan wassal biex minflok ir-rieda tal-votanti, li jkunu eletti Claudette Buttigieg u Frederick Azzopardi bħala kandidati tal-Partit Nazzjonalista, ġew eletti Edward Scicluna u Justyne Caruana f’isem il-Partit Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista qed isostni li f’dak li seħħ fit-8 u t-13-il distrett, ma ġietx rispettata b’mod komplet ir-rieda tal-votant. Il-50 vot mormija ta’ Claudette Buttigieg u l-10 voti fuq id-distrett ta’ Għawdex kienu jagħtu stampa differenti tar-rappreżentanza Parlamentari. Dawn il-voti ma nħlewx iżda ntremew għalxejn.

Dan meta f’pajjiż bħal Malta, suppost isaltan id-dritt ta’ proċess demokratiku, isostni l-Partit Nazzjonalista permezz tal-Avukat Therese Comodini Cachia.