It-tnaqqis regolari fil-prezzijiet tal-fuel qed iħalli madwar 75 fil-mija tas-sewwieqa sorpriżi dwar il-flus li qed jiffrankaw biex jivvjaġġaw bil-vetturi tagħhom.
Is-sewwieq Britanniku – bħala medju – fil-preżent qed jiffranka madwar 6.53 liri Sterlini meta jimla t-tank u ’l quddiem mistenni jiggwadanja aktar, bil-prezz tal-petrol ‘unleaded’ jinsab viċin li jinbiegħ għal lira Sterlina biss il-litru.
Meta sebgħa minn kull għaxar persuni jiddependu, kuljum, mill-karozzi tagħhom għat-trasport, is-sewwieq Britanniku – bħala medja – jimla t-tank tal-vettura b’medja ta’ 2.4 drabi fix-xahar, u jħallas mat-88.21 lira Sterlina.
Sadanittant, riċerka ta’ Confused.com li bbażat fuq xi 2,000 adult, sabet li qabel it-tnaqqis fil-prezz tal-fuel, l-ispiża medja biex timla l-karozza kienet ta’ 46.23 lira Sterlina.
Fl-istess ħin, u ladarba l-prezz naqas b’mod konsistenti, f’dawn il-ġimgħat, il-prezz biex timla l-karozza, illum, hu kkalkulat mad-39.79 lira Sterlina.
Gemma Stanbury, esperta dwar l-assigurazzjoni tal-karozzi ma’ Confused.com, qalet li l-maġġoranza tas-sewwieqa huma konxji ħafna mill-prezzijiet kompetittivi fejn jidħol il-petrol.
Filwaqt li, tul is-snin, kien innutat ‘ħafna logħob fil-prezzijiet’ li ma indikawx tnaqqis sinifikanti, Stanbury m’għandhiex dubju li, illum, mindu naqsu l-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat, is-sewwieqa, sa fl-aħħar, qed jibdew jaraw u jħossu l-benefiċċji tat-tnaqqis fil-prezz tal-petrol meta jmorru biex jimlew it-tank tal-karozza.
Gemma Stanbury sostniet li ‘bir-raġun’, is-sewwieqa fir-Renju Unit huma sorpriżi u kuntenti bis-sitwazzjoni meta s-sewwieq, bħala medja, jonfoq ftit aktar minn 88 lira Sterlina fuq il-petrol, fix-xahar.
IR-RENJU UNIT: Petrol ‘unleaded’ qrib li jinbiegħ għal lira Sterlina biss il-litru
