Festa ta’ satira u nostalġija fl-Istitut Kattoliku
It-Tliet Anġli… aħn’aħna jew m’aħniex?… min huma t-Tliet Anġli? u fiex jidħlu ta’ aħn’aħna jew m’aħniex?
It-tliet anġli ma huma ħadd ħlief Toni Busuttil, Snits u Ronald Briffa (Ron) li flimkien se jipprovdulna lejla ta’ satira (stand-up comedy) bit-tema mużikali tagħha jkunu s-siltiet kollha tal-programm televiżiv li għadu popolari sal-lum Aħn’aħna jew m’aħniex?, siltiet li minkejja li minn fuqhom għaddew snin twal, il-lirika tagħhom għadha tappella għaż-żminijiet tal-lum.
Fil-fatt wieħed mill-protagonisti tas-serata se jkun Vince Fabri, li kiteb is-siltiet mużikali kollha, kif ukoll kien il-kantant prinċipali tal-grupp Brown Rice, li kienu interpretaw is-siltiet kollha u permezz tagħhom daħlu mhux biss fid-djar tal-Maltin kollha imma anki fil-qalb tal-Maltin kollha.
Barra l-komiċi Toni Busuttil, Snits u Ron u l-kantant/kompożitur Vince Fabri, se jieħdu sehem ukoll il-kantanti Debbie Scerri, Ina Robinich, Laura Bruno, Neville Refalo u Jeffrey Scicluna. L-organizzaturi qed jantiċipawlna wkoll xi sorpriżi. Id-direzzjoni se tkun f’idejn Ray Abdilla bi produzzjoni ta’ Pawlu Testa.
Il-band se ddoqq live taħt id-direzzjoni tas-surmast Joe Brown.
Id-dati ta’ dan l-ispettaklu uniku ta’ divertiment u nostalġija huma s-Sibt 28 ta’ Frar fis-7.00pm u l-Ħadd 1 ta’ Marzu fis-6.30pm, dejjem fit-teatru tal-Istitut Kattoliku, il-Floriana.
Il-booking huwa miftuħ mingħand Pawlu Testa Travel (21223340 jew 99476468), booking office u Bar tal-Istitut Kattoliku, kif ukoll online fuq www.activemalta.com.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq www.kumpanijateatrurjal.com.
//= $special ?>