Xjenza u Teknoloġija

Jinstab malware fuq smartphones tal-Android

Miljuni ta’ smartphones, li jaħdmu bis-sistema Android, ġew infettati b’apps imniżżla minn Google Play li qed jesponuhom għal malware.

L-apps jinkludu dik għal-logħba Durak, logħba oħra dwar l-istorja u test tal-IQ li flimkien ġew installati 15-il miljun darba. Skont Avast, dawn qed jesponu lill-ismartphones għal reklamar mhux mixtieq li jitfaċċa fuq l-iskrin tat-telefon li wkoll jinħass li ma jkunx qed jaħdem bħas-soltu.

Id-difett madankollu mhux joħroġ qabel jgħaddi mill-inqas xahar milli jkunu ġew installati dawn l-apps li jagħtu sinjal falz ta’ twissija lil dak li jkun, fosthom li l-ismartphone għandu software skadut inkella mimli ritratti ta’ pornografija. Itellgħu wkoll notifika biex dak li jkun inaddaf jew jaġġorna t-telefon tiegħu u malli dak li jkun jaċċetta, l-app tieħdu f’servizzi oħra fosthom iktar reklamar.

Google Play issa neħħiet għal kollox dawn l-apps imma ma ħarġet ebda dikjarazzjoni.