Lokali

L-Isle of MTV għas-7 ta’ Lulju

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu ħabbret id-data tad-disa’ edizzjoni tal-kunċert spettakolari Isle of MTV, li din is-sena se jsir nhar it-Tlieta 7 ta’ Lulju fuq il-Fosos tal-Furjana.

Anke l-kunċert ta’ din is-sena se jiġi ffilmjat u jsir fi programm ta’ siegħa li jixxandar fuq 20 stazzjon tat-televiżjoni ta’ MTV madwar l-Ewropa waqt li l-MTA se twettaq għadd ta’ inizjattivi ta’ reklamar biex tkompli tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni turistika għaż-żgħażagħ.

Fost l-artisti li kantaw jew ħadu sehem fuq il-palk f’Malta fl-aħħar snin kien hemm Lady Gaga, Black Eyed Peas, N*E*R*D, One Republic, Maroon 5, Akon, Enrique Iglesias, Kid Rock, David Guetta, Metro Station, Snoop Dogg, LMFAO, Jesse J, will.i.am, Rita Ora u DJ Hardwell, Nicole Scherzinger, Kiesza u Dizzee Rascal. L-artisti li se jiġu f’Malta din is-sena se jitħabbru iktar tard.

Edward Zammit Lewis, il-Ministru tat-Turiżmu, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-kunċert se jsir għad-disa’ sena konsekuttiva waqt li ddeskriva l-ġimgħa li matulha jsir dan il-kunċert bħala waħda li stabbiliet lilha nnifisha fost l-aqwa attivitajiet tas-sajf fil-Mediterran. Irrimarka wkoll li l-fatt li d-data qed titħabbar ħames xhur qabel l-attività, jgħin biex din tiġi rreklamata aħjar barra minn Malta.

Skont il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Paul Bugeja, minn kemm ilu li beda jsir il-kunċert Isle of MTV f’Malta, iż-żgħażagħ ta’ taħt l-24 sena żdiedu b’120.9% u llum jiffurmaw 19.9% tat-turisti kollha li jżuru l-gżejjer Maltin.