“Dawk li joperaw b’mod nadif fil-futbol m’għandhomx għalfejn jinkwetaw mid-dikjarazzjonijiet tiegħi. Meta tkellimt dwar il-match fixing, qatt ma poġġejt lil kull klabb f’qoffa waħda kif allegaw xi wħud.”
Qal dan l-Integrity Officer tal-MFA Franza Tabone, fin-newsletter tiegħu ppublikata iktar kmieni llum. Dan fid-dawl tal-kritika li rċieva fl-aħħar jiem, bl-Avukat Adrian Delia jistiednu jew jissostanzja l-akkużi li l-maġġoranza tal-klabbs lokali jiffinanzjaw lilhom infushom mill-match fixing u l-illegal betting, inkella jirtira dak li qal.
Il-kummenti ta’ Franz Tabone kienu wasslu wkoll biex il-President ta’ Pietà Hotspurs Joe Sammut jitlob lill-klabbs jiffirmaw affidavid fejn jiċħdu li huma nvoluti f’illegalitajiet fil-futbol lokali.
Franz Tabone kompla: “Dak li kont qed ngħid u nagħmel fix-xogħol tiegħi ma niżilx tajjeb ma’ kulħadd. Imma l-għan tiegħi mhux li nħammeġ ir-reputazzjoni ta’ xi ħadd. L-unika ineress tiegħi hu li nagħti lill-futbol Malti stampa iktar nadifa.”
Qal li hu sab il-futbol lokali fi stat diżastruż u ried jifhem għaliex. “Kienet sitwazzjoni li tweġġgħani. Ħdimt biex ksibt il-fiduċja ta’ ħafna, Kollha naqblu li rridu futbol imnaddaf minn elementi kriminali.”
Fl-istess newsletter hu kompla li issa “l-ballun jinsab f’saqajn il-klabbs, li wara li semgħu dak li għaddej, għandhom l-opportunita’ jkunu attenti. Ir-riedni f’idejhom. Issa jistgħu jagħmlu r-riċerka tagħhom,” temm jgħid Franz Tabone.
//= $special ?>

