L-organizzazzjoni ambjentali Nature Trust (Malta) ikkundannat dak li qed jiġi rrappurtat f’ġurnali lokali, li l-MEPA qed tipproponi li illegalitajiet li seħħew fil-qasam tal-ippjanar fl-aħħar snin jiġu sanzjonati.
L-għaqda qed tqis dan il-pass bħala ammissjoni ta’ telfa min-naħa tal-MEPA li qed tammetti li mhix kapaċi tinforza r-regolamenti tal-ippjanar meta, skont Nature Trust, l-awtorità twaqqfet biex tagħmel hekk mhux biss biex tfassal il-politika tal-ippjanar.
Nature Trust qed tgħid li l-proposta tal-MEPA hi insult liċ-ċittadini kollha li jimxu mal-liġi u qed twassal il-messaġġ lil dak li jkun biex jikser il-liġi għax wara għaxar snin dawn l-illegalitajiet jinħafru. L-għaqda qalet li dak li qed iseħħ issa fil-qasam tal-ippjanar isegwi l-maħfriet li ngħataw b’rabta mal-VAT, mas-serq tal-elettriku u ma’ attivitajiet u bini illegali ieħor.
L-organizzazzjoni mhux governattiva qed tinsisti mal-awtoritajiet biex jagħmlu xogħlhom u jinfurzaw il-liġi, u jekk ma jirnexxilhomx għandhom jaraw għaliex mhux qed jirnexxilhom u jsolvu l-problema minflok jaċċettaw l-illegalitajiet. Għalhekk Nature Trust appellat lill-Gvern biex ma jaċċettax il-proposta tal-MEPA imma pjuttost, jindaga għaliex il-MEPA qed tfalli milli tagħmel dak meħtieġ għall-ġid tal-pajjiż.
//= $special ?>