Lokali

Newsfeed jintervista lil Dun Raymond Portelli: Kappillan, missjunarju u tabib tal-familja

Dun Raymond Portelli huwa saċerdot imwieled in-Nadur, Għawdex u li għal dawn l-aħħar għoxrin sena wettaq ħidma missjunarja qawwija fil-belt ta’ Iquitos fil-Peru. Belt li, fi kliemu, hija fil-qalba tal-foresta Peruvjana tal-Amażon. Hu ilu snin iservi bħala l-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Martin de Porres.

Erba’ snin wara li wasal fil-Peru, hu beda jistudja l-mediċina, bil-għan li jsir tabib, tant li 8 snin wara hu beda jippratika bħala tabib fil-komunita’ Peruvjana.

Il-ġurnata tipika ta’ Dun Portelli tibda b’tagħlim fl-Universita’ Nazzjonali, u tkompli b’visti mediċi fil-Klinika tiegħu sas-7pm. U għas-servizz mediku tiegħu, ma jitlob l-ebda flus: għandu biss kaxxa ta’ donazzjonijiet b’risq il-ħidma parrokkjali tiegħu.

Fis-7pm imbagħad, ikun imiss il-quddiesa, u wara, il-ħidma pastorali.

Il-Parroċċa li jmexxi l-qassis Għawdxi tikkonsisti fi 18,000 ruħ, f’belt ta’ madwar 400,000. Belt b’diversi sfidi, fosthom nuqqas ta’ edukazzjoni u numru kbir ta’ mard sesswali.

Iżda dawn l-isfidi, Dun Raymond Portelli biddilhom f’opportunita’: billi sar tabib li jfejjaq il-mard u qassis li jgħallem.