Lokali

Petizzjoni tappella lill-Gvern biex ibiddel id-deċiżjoni tiegħu dwar il-monti

Fl-aħħar jiem mijiet ta’ persuni ffirmaw petizzjoni li qed iddur online u li qed tappella lill-politiċi Maltin biex jiżguraw li jinbidlu l-pjanijiet tal-Gvern Laburista li l-monti jiċċaqlaq għal Triq l-Ordinanza u maġenb il-bini tal-Parlament il-ġdid.

Il-petizzjoni, intitolata ‘Il-Belt Valletta Jixraqilha Aħjar” inbdiet bil-għan li jinbidel id-disinn magħżul għall-gabbani tal-monti kif ukoll jinbidel il-pjan tal-Gvern li jċaqlaq il-monti għall-inħawi tal-proġett ta’ Renzo Piano.

Agħfas hawn biex tara l-petizzjoni online.

Minkejja li l-Gvern Laburista kien sfurzat bi pressjoni tal-pubbliku li jbiddel id-disinn tal-gabbani tal-monti, jidher li l-Gvern għadu konvint li ma jagħtix każ l-appelli biex il-monti ma jmurx ħdejn il-Parlament il-ġdid. Filfatt diġa twaħħlu n-numri tal-gabbani tal-monti, fejn preċiżament se jibda jintrama.

Fil-petizzjoni, membri tal-pubbliku jappellaw biex il-Gvern ma jagħmilx dan il-pass. Fost l-appelli li fl-aħħar jiem komplew isiru kien hemm dak taċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u eks-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef li f’Konferenza tal-Aħbarijiet iddeskriva l-monti fi Triq l-Ordinanza bħala sfreġju.

Anke l-Kamra tal-Periti, li ntgħażlet mill-Gvern stess biex tmexxi Kumitat li se jagħżel id-disinn ġdid tal-gabbani tal-monti, qalet, li filwaqt li tirrikonoxxi li d-disinn mhux se jkun dak propost oriġinarjament, xorta tibqa’ topponi l-għażla ta’ Triq l-Ordinanza u l-proġett ta’ Renzo Piano bħala l-post fejn se jitpoġġa l-monti.

Il-Kap tal-Oppożizzjon Simon Busuttil min-naħa tiegħu kien diġa fil-jiem li għaddew wiegħed li taħt it-tmexxija tiegħu, il-monti tal-Belt ma jibqax f’dan il-post li se jkerrah il-proġett ta’ Renzo Piano.

Fi ‘tweet’ li għamel l-Erbgħa, sostna li l-kultura ta’ pajjiżna se taqla’ daqqa kbira ‘l isfel għax Joseph Muscat hu priġunier tal-wegħdiet populisti li għamel hu stess.