Il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), f’miżura sorpriża, qal li m’għandux jaċċetta aktar il-bonds tal-Greċja biex jagħmlu tajjeb għas-self ta’ dan il-pajjiż.
B’hekk, il-Gvern ġdid f’Ateni għandu ġimgħa żmien biex jilħaq ftehim mal-kredituri internazzjonali inkella jissogra problemi kbar rigward iċ-ċirkolazzjoni tal-flus kontanti.
Id-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ittieħdet wara li l-Ministru tal-Finanzi Grieg il-ġdid, Yanis Varoufakis, iltaqa’ mal-Kap tal-ECB, Mario Draghi, u qal li huma kellhom djalogu ‘ta’ sustanza’.
Intant, is-sitwazzjoni għall-Greċja se tinbidel mill-11 ta’ Frar ’il quddiem għaliex il-Bank Ċentrali Ewropew ma jaħsibx li Ateni għandha tilħaq ftehim mal-kredituri sal-aħħar tax-xahar u meta tiskadi estensjoni tal-bailout.
Il-Bank Ċentrali Ewropew sostna, fi stqarrija, li s-sospensjoni ta’ din is-sistema ta’ sigurtà rigward is-self timxi mar-regoli tal-Ewropa. Madankollu, il-bord tal-ECB se jżomm il-programm tal-‘għajnuna f’assi tal-emerġenza’ għall-banek tal-Greċja.