Sajjied Żejtuni, ta’ 38 sena, ippreżenta protest fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Kummissarju tal-Pulizija wara li ġew ikkonfiskati lilu 850 kilo ta’ tonn. Il-każ seħħ sena u erba’ xhur ilu iżda sal-lum qatt ma tressaq il-Qorti fuq xi reat.
Fil-protest li ppreżenta permezz tal-Avukat Veronique Dalli, Michael Carabott qal li f’Ottubru tal-2013 il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Ekonomiċi bdiet investigazzjoni dwar allegat serq ta’ tonn u wara nfurmat lill-Maġistrat inkwerenti li fetaħ inkjesta Maġisterjali.
F’dik l-investigazzjoni, il-Pulizija elevat 850 kilo ta’ tonn frisk minn fuq id-dgħajsa ta’ Carabott, liema tonn kien ġie esebit fl-inkjesta. Is-suspett kien li dan it-tonn kien insteraq minn fish farm.
Is-sajjied qal fil-protest li ġustament kien ġie mnaqqas lilu l-ammont ta’ 850 kilo ta’ tonn mill-kwota lilu konċessa mid-Dipartiment tas-Sajd. Minkejja dan iż-żmien kollu, dan it-tonn għadu sal-lum issekwestrat mill-Pulizija, u hu kien infurmat ukoll li l-awtoritajiet qerdu l-ħut inkwistjoni.
Is-sajjied għaldaqstant sostna li dan kollu sarraf f’telf sostanzjali kbir għalih ta’ eluf ta’ ewro u dan meta l-għajxien tiegħu u tal-qraba tiegħu jiddependi minn dan id-dħul. Il-protest isemmi wkoll il-kuntest tal-fatt li mad-Dipartiment konċernat, jidher li kważi eżawrixxa l-kwota tat-tonn għal dak l-istaġun, meta l-ħut kien baqa’ ssekwestrat u saħansitra meqrud.
//= $special ?>